Sunday, December 22, 2024

Attakkata u mhedda mill-Faxxisti… tibżgħux xerrdu l-umanità u l-imħabba”

- Maya

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Mgħammdin bil-balklavi. Segwewni. Attakkawni u weġgħuni. Għamlu anke attentat biex jaħarquli ir-residenza.

Riedu jeqirduni. Dan kollu għax jien mit-Turkmekistan, pajjiż li r-reliġjon tiegħu hi dik Iżlamika.” Fiżikament u mentalment Maya kienet imkissra. Spiċċat anke rikoverata l-isptar. L-attakk seħħ f’Herne Bay fir-Renju Unit, wieħed mill-postijiet li fl-aħħar jiem rajna gruppi ta’ persuni faxxisti u razzisti, jinżlu fit-toroq u jittorrerizzaw lil kull min hu Barani. Maya, hi persuna magħrufa sew f’Herne Bay f”Kent, topera ‘Food Bank’, u anke ingħatat rikonoxximent għall-ħidma intensiva tagħha biex tgħin lill-vulnerabbli li jmorru regolarment hemm għall-għajnuna b’mod partikolari għajnuna materjali. Maya, li tkellmet ma’ IT-TORĊA dwar dak li għaddiet minnu għandha messaġġ xi twassal. Messaġġ li jmur lil hinn miż-żoni ta’ fejn il-Faxxisti kienu qegħdin jinżlu fit-toroq. Il-messaġġ tagħha hu indirizzat lejn il-popli inġenerali imwerwrin b’dak li kienu qegħdin jaraw iseħħ.

“Jien inwassal il-messaġġ biex in-nies ma jibżgħux. Irridu niġġieldu dan il-fenomenu. Dan billi nxerrdu l-imħabba. Dawn il-persuni għandhom għan wieħed biss li jxerrdu l-mibegħda. Tinżlux fit-toroq tipprotestaw kontrihom. F’dan il-mument l-aħjar tibqgħu f’darkom. Huma hekk iridu jagħmlu xow u jridu jaraw il-folol isegwuhom. Ittuhomx l-ossiġnu. Niġġieldulhom bl-imħabba, bl-umanità u bil-paċi”.

Waqt li tiddikjara magħna li “ma tħossx li fil-mument jien tajba’ u dan minħabba l-esperjenza kerha li għaddiet minnha. Is-sieħeb tagħha li jinsab f’siġġu tar-rotti ukoll kien mhedded. “Ninsab lura d-dar mal-familja. Għandna l-protezzjoni tal-Pulizija. Ħafna nies ċempluli u kien beżgħana minħabba dak li ġara. Il-messaġġ tiegħi hu wieħed għal dawn il-persuni. Tibżgħux. Hemm bżonn niġġieldu. Dan imma isir billi nxerrdu l-imħabba u mhux billi ningħaqdu mal-protesti ta’ kontra l-faxxiżmu”.

Tenfasizzalna li “l-parir tiegħi hu wieħed. Ibqgħu id-dar. Tmorrux protesti anke jekk inhuma kontra l-Faxxiżmu. Vera li l-protesti mill-faxxisti jidher li qed inaqqsu, ma tafx meta u kif dawn se jerġgħu jinżlu fit-toroq jew lil min se jattakkaw. Niżlu jipprotestaw biex jiġbdu l-attenzjoni tan-nies. Iridu lin-nies isegwuhom. Għalhekk għandkom tibqgħu id-dar.”

Maya tgħidilna li “jien ġejja minn pajjiż Musulman. Jien ma nipprattika l-ebda reliġjon. Uliedi ma kienx jistħoqqilhom jgħaddu minn dak li għaddew. Forsi ħasbuni li se nibża mit-theddid? La jien beżgħana u lanqas se nħallu ikunu beżgħana. Qabel tmorru xi protesta hi fejn hi, ħarsu lejn uliedkom. Il-Faxxisti iriduhom taħt idejhom. Ittuhomx dak iċ-ċans”, tgħidilna Maya.

F’Malta kien hawn min rewwaħ għal protesti ukoll

U quddiem dak li kien qed jiġri fir-Renju Unit f’pajjiżna kien hawn min beda jrewwaħ biex anki hawn in-nies jinżlu jipprotestaw. Kien hemm min beda jittanta ukoll jorganizza xi protesta, għalkemm kollox miet mewta naturali għax rispons ma kienx hemm.

Il-vjolenza mill-Faxxisti fir-Renju Unit… imma mhux biss

Fl-aħħar jiem fir-Renju Unit rajna vjolenza u tensjoni kbira minn membri tal-lemin estrem li ħadu l-okkażjoni biex joħorġu jipprotestaw u bdew jattakkaw persuni barranin, immigranti u anke negozji immexxija mill-barranin. Rajna kif dawk il-persuni vjolenti attakkaw lukandi li fihom qegħdin jinżammu l-immigranti. Attakkaw librerija li qerduha għal kollox. Attakkaw anke moskej.

Dak li xpruna kollox, għalkemm fost gruppi tal-lemin estrem kien hemm stennija għal xi ċirkostanza biex jużawha u jinżlu fit-toroq, kien il-qtil ta’ tlett itfal bniet. Il-każ kien seħħ fid-29 ta’ Lulju li għadda. It-tfal li l-età tagħhom tvarja bejn 6 u 9 snin inqatlu f’Southport fit-Tramuntana tal-Ingilterra. Apparti l-qtil ta’ dawn it-tfal, kien hemm tmint itfal oħra u żewġ adulti li spiċċaw feruti. Il-Pulizija arrestaw żagħżugħ ta’ 17-il sena.

Ġara iżda li fuq il-midja soċjali bdiet tiġi ċirkolata informazzjoni żbaljata u ovvjament dan sar bi skop. L-informazzjoni falza kienet tgħid li dak arrestat kien immigrant u l-informazzjoni falza li bdiet tiġi ċirkolata bdiet tenfasizza li hu Iżlamiku. Il-Pulizija akkużatu bil-qtil u f’informazzjoni li tat qalet li l-akkużat twieled fir-Renju Unit u mill-indaġini li saret mhix tqis li dan l-attakk bħala terroriżmu.

Wara li seħħ l-attakk, eluf ta’ nies inġabru barra r-residenza tal-Prim Ministru f’Londra jipprotestaw. Madwar mitt persuna kienu arrestati. Il-protesti u l-vjolenza infirxet għal 20 belt oħra fosthom Sunderland, Manchester, Plymouth u anke f’Belfast fl-Irlanda ta’ Fuq. Il-protesta wasslu biex ġew attakkati diversi moskej, karozzi tal-Pulizija ingħataw in-nar, waqt li negozji ta’ persuni Asjatiċi ġew attakkati. F’Rotherham, fit-Tramunanta tal-Ingilterra, lukanda li fiha jgħixu l-immigranti ġiet attakkata fejn tkissru l-ħġieġ tat-twieqi u kontejner ftit bogħod ingħata in-nar. B’kollox madwar 400 persuna ġew arrestati u 120 persuna tressqu l-Qorti. Il-Prim Ministru Laburista Ingliż, Keir Starmer evita għal kollox li jiddikjara li dawn kienu protesti razzisti. Hu sejħilhom biss bħala “imġieba vjolenti minn membri tal-lemin estrem”.

Imma kif ir-Renju Unit wasal f’din is-sitwazzjoni?

Attivist kontra r-razziżmu li tkellem ma’ IT-TORĊA qalilna li “dak li rajna ixxokkja lil ħafna. Ħoloq biża’ għax ma rridux inreġġgħu l-arloġġ lura. Nafu f’kien ħoloq u fejn wassalna il-Faxxiżmu. Saru ħafna arresti għal vjolenza li saret. Rajna ukoll reazzjoni qawwija minn attivisti kontra ir-razziżmu. Ma naħsibx li hi s-soluzzjoni li titfa’ lil dawk li qegħdin joħolqu l-inkwiet fil-ħabs. Il-problema ta’ dak li ġara hi ħafna aktar fonda fis-soċjetà Brittanika.”

L-attivist qalilna li “jien bil-belt fejn ngħix segwejt li kien qed jiġri u fil-folla rajt nies differenti. Nies li ma nafhomx iħaddnu t-twemmin tal-lemin estrem u l-Faxxiżmu. Id-domanda tiegħi kienet sempliċi ħafna – kif dawn in-nies spiċċaw fil-protesti vjolenti, spalla ma’ spalla mal-Faxxisti u mar-razzisti?

Dan li kien qed jiġri apparti li kellek il-Faxxisti u r-razzisti li ħadu okkażjoni biex jinżlu fit-toroq, magħhom rajna jingħaqad ir-razziżmu reattiv. Jiġifieri ingħaqdu mal-Faxxisti u r-razzisti persuni oħra li rreaġixxew għal dak li semgħu, qraw jew li kien qed jiġri fit-toroq. Ħafna nies, niżlu fit-toroq, għax jemmnu li ġew injorati u mwarrbin minn min jirrappreżentahom. Għal ħafna nies, niżlu jipprotestaw bħala ribelljoni kontra s-sistema”.

L-istess attivisti qalilna li “r-razziżmu li rajna huwa biss parti minn pakkett li spiss ikun immirat lejn kwalunkwe aspett ta’ dak li jidentifikaw bħala ‘Woke Culture’. Spiss ir-razzisti u l-Faxxisti jippontaw lejn il-‘Woke Culture’ u jitfgħu t-tort fuqha għad-degradazzjoni kontinwa tal-ħajja fir-Renju Unit. Din l-idea kienet mitmugħa wkoll lilhom għal ħafna snin mill-midja u politiċi prominenti.”

Jgħidilna li “imma eżattament dawn għal xhiex qed jiġġieldu? Qed nitkellem fuq in-nies li ngħaqdu mal-Faxxisti. Hawn sezzjoni dejjem tikber ta’ nies li għandhom dik ix-xewqa kbira li jakkwistaw dak li tilfu. Dak li m’għadux għandhom. Qed nitkellem fuq komunità li tkun għaddejja tajjeb. Komunità li tkun tappartjeni għaliha. Komunità li jkollha tifsira u skop. Illum il-klassi tal-ħaddiema Ingliżi u ż-żgħażagħ qed iħossu in-nuqqas ta’ kultura.

Qisu m’hemmx dik ix-xi ħaġa li jridu jħarsu għaliha. Kollox ibbażat fuq konsumeriżmu sfrenat. Ċertu bliet saru postijiet li jiskoraġġuk tmur tgħix fihom. Kultura ta’ parties. Hemm forsi l-futbol u r-rivalità li dan joffri imma dan bi prezz finanzjarju li dejjem jiżdied.”

Jgħidilna li “issa imbagħad għandek l-aspetti magħrufin għas-solidarjetà bħal unions, ċentri lokali tal-komunità, parks, kampijiet tal-isports u klabbs tal-futbol, ilhom għal diversi snin jiffaċċjaw attakki bla waqfien. In-nies fl-Ingilterra din qegħdin iħossuha. Dak li kien jgħaqqadhom u jtihom ċertu sens ta’ identità, qiegħed dejjem jiddgħajjef. Ħafna żgħażagħ Ingliżi u dawn dejjenm qed jiżdiedu huma mitlufin fil-kultura tal-parties, xorb u drogi. Waqt li qiegħed jiġri dan, hemm is-sitwazzjoni fejn gruppi ta’ migranti impurtaw b’mod effettiv komunità li hija ħafna drabi aktar magħquda distinta minn dik tal-Ingliżi. Għalhekk l-Ingliżi iħossuhom esklużi. Jgħidulek ċar u tond li llum min jitkellem għall-klassi tal-ħaddiema Ingliżi? – il-Partit Laburista? Il-Konservattivi? Il-Liberali Demokratiċi? l-istampa? Ħadd. Jiddispjaċini ngħid li mill-iskola ‘l quddiem iħossu li huma biss meqjusin bħala inkonvenjent li għandhom jiġu kontrollati u sfruttati.”

Jenfasizza li “meta mbagħad ikollok kommunitajiet tal-immigranti u tal-minoranzi jibnu moskej, sinagogi, knejjes u ċentri komunitarji u jsibu modi kif jirnexxu flimkien, dan iwassal biex iżid biss sens ta’ frustrazzjoni u rabja vaga. Jgħidulek inħossuna barranin f’pajjiżna stess. Jgħidulek aħna l-maġġoranza imma ma nħossuniex qed nappartjenu għal din is-soċjetà. Imorru vaganza u jistaqsu għaliex iħossuhom aljenati barra u f’darhom. Hemm disprament għax il-kwalità tal-ħajja nieżel u mhux tiela. Hemm differenza kbira meta tkun tgħix fid-dar mal-ġenituri u meta tkun għal rasek, f’akkomodazzjoni tal-kiri bi prezzijiet dejjem telgħin. Tħares lejn l-impjiegi u tarahom karatterizzati b’sigħat twal ta’ xogħol, pagi baxxi u s-servizzi pubbliċi dejjem jiddgħajfu. U għal dawn it-tort dejjem jintefa fuq l-immigranti u l-barranin. Kollox huma jeħlu.”

Jgħidilna li “llum fir-Renju Unit għandna sitwazzjoni fejn ħafna kumpaniji u negozji huma prorpjetà tal-barranin. Kumpaniji Ingliżi tat-trasport huma proprjetà u mmexxija minn interessi barranin. Għandek sitwazzjoni fejn il-ftit ta’ fuq qegħdin jimpalaw il-profitti u jħaxxnu bwiethom għas-skapitu taż-żgħar, il-ħaddiema u l-vulnerabbli. Dawk li qegħdin jagħmlu dan u bil-għajnuna tal-politiċi, iddevjaw ir-rabja ‘l bogħod minnhom u ddiriġewha lejn dawk li jfittxu ażil, lejn il-barranin u nies ta’ kulur. Għalhekk inħoss li dawn l-irvellijiet mhumiex daqshekk irvellijiet tar-razza, għalkemm hemm l-element faxxista li qed juża dan. Dawn l-irvellijiet u protesti huma ta’ klassi msawwta li jridu jakkwistaw xi ħaġa li jappartjenu għaliha u li tilfuha.”

Ikompli jgħidilna li “dawn il-protesti issejħu bħala protesti minn persuni vjolenti u razzisti. Ma naqbilx li għandhom jissejħu hekk. Qed ngħid dan għax dan ma jagħmilx ġid għall-klassi politika u tal-midja li ssejjaħ għax huma jieħdu gost li huma razzisti vjolenti. Mhux hekk biss imma fehmiet bħal dawn ingħataw leġittimità morali fil-midja tar-Renju Unit.

“Il-mibegħda lejn dak li hu differenti, u lejn il-barranin hi l-istess narrattiva li Donald Trump qed imexxi fl-Istati Uniti. Hi l-istess narrattiva li Hitler sfrutta fil-Ġermanja. it-tnejn joffru rinaxximent falz tal-kultura, l-appartenenza, l-għaqda u l-poter permezz tal-mibegħda.”

“Il-klassi politika m’għandha l-ebda idea ta’ kif se twieġeb”

L-istess attivist jgħidilna li “dak li hu inkwetanti hu l-fatt li l-klassi politikatar-Renju Unit m’għandha l-ebda ħjiel kif twieġeb għall-avvenimenti reċenti. L-unika soluzzjoni li għandu l-Gvern hi li jitfa’ n-nies il-ħabs. Li joħroġ riġmenti ta’ Pulizija fit-toroq. Inħossuna resqin lejn it-tirannija ta’ stat tal-Pulizija. Kellna gvern li ma quddiem dak li ra ma kkundannax ir-razziżmu. Dak li qegħdin naraw jiġri llum rajna bħalu ammont ta’ snin ilu. Għax kif jgħidu l-istorja tirrepeti ruħha. Il-faxxiżmu dejjem jiffjorixxi meta l-kapitaliżmu jkun fi kriżi.”

“Jekk tistaqsi kif tista’ tevitah? Dan isir mhux billi titfa’ in-nies il-ħabs. Tevitah biss jekk toffri lin-nies skop. Terġa’ tara li jsiru parti minn komunità. Tħeġġeġ in-nies jaraw li jkun hemm komunità magħquda. Li jħossuhom parti minn xi ħaġa u mhux injorati u mwarrbin. Trid toffrilhom xi ħaġa li ttihom sodisfazzjon. Ttihom xi ħaġa b’għanijiet li jmorru kontra l-mibegħda li ilha tiġi imbuttata. Ttihom skop biex jingħaqdu kontra ir-razziżmu. Din hi t-triq ‘lquddiem. Id-domanda tibqa’ imma l-politiċi ta’ llum jemmnu f’dan?”, itemm jgħidilna l-attivist.

Ekonomija

Sport