Monday, November 4, 2024

ATTAKKI LI M’HAWNX POSTHOM FIS-SOĊJETÀ

Aqra wkoll

Fil-Parlament, it-Tnejn filgħaxija, bi 42 vot favur u 34 kontra ġiet approvata mill-istadju tat-Tieni Qari, l-emenda fil-Kodiċi Kriminali maħsuba biex tipproteġi lit-tobba u lin-nisa f’każ ta’ kumplikazzjonijiet waqt it-tqala, li jpoġġulha ħajjitha jew saħħitha f’periklu gravi.

Din l-emenda legali qajmet diskussjoni sħiħa f’dan il-pajjiż dwar suġġett tant delikat, fejn ħafna kienu dawk li ħarġu jsemmgħu leħinhom, mhux biss dawk favur iżda wkoll dawk kontra. Ġara iżda li d-diżgwid li nqala’ dwar dawn l-emendi ma baqax limitat biss għall-bini tal-Parlament imma wkoll ħareġ ‘il barra.

Dan kien rifless f’ittri ta’ theddid li ntbagħtu lil żewġ Membri Parlamentari Laburisti, Randolph Debattista u s-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg. S’hawnhekk wasalna bħala soċjetà? Illi nheddu bil-kitba lir-rappreżentanti tal-poplu għax ma naqblux mal-fehma tagħhom? 

Dan jista’ jkun dovut għad-drawwa li daħlet sew fost ħafna nies li jiktbu kliem ta’ mibegħda fuq il-mezzi soċjali. B’dawn l-ittri bilfors persuna tħossha aggravata. Iktar u iktar bi kliem li jidħol anke fil-livell personali. Allura ma nistgħux ma nikkundannawx mhux biss il-kitba imma wkoll l-aġir ta’ min kitbhom.

Tant l-ittri anonimi kienu aggressivi li saħansitra l-Ispeaker tal-Parlament Dr Anġlu Farrugia ħadha fuqu li jinforma hu lill-awtoritajiet konċernati. L-ittri anonimi jiktibhom min ikun kodard għax jibża’ juri ismu. Għalkemm ħafna drabi dawn jiġu injorati, però li jintbagħtu wkoll lill-membri tal-parlamenti eletti demokratikament hija xi ħaġa dijametrikament opposta għall-prinċipji tad-demokrazija li nħaddmu f’pajjiżna, għax jixhdu sentimenti ta’ intolleranza għall-fehma tal-individwu. 

Se nibdew nirrikorru kull darba għat-theddid meta ma naqblux ma fehma ta’ xi ħaddieħor? Wasalna fi stat li nħallu l-intolleranza ddallmilna moħħna? 

Filwaqt li nistmerru kull aġir ta’ theddid, jagħmlu min jagħmlu u jagħmlu lil min jagħmlu, nistennew li sitwazzjonijiet ta’ din ix-xorta jkunu investigati mingħajr dewmien ħalli titwettaq ġustizzja. Dan għaliex attakki u intolleranza bħal dawn, fuq membri tal-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż, m’hemmx aktar posthom fis-soċjetà tagħna,  illum li suppost imxejna ‘l quddiem u rażżanna l-mibegħda partiġġjana. Jidher li għad fadlilna ħafna x’nagħmlu f’dan ir-rigward biex nibdew naċċettaw fehmiet li jkunu opposti għal tagħna. 

Sport