Attard Edex Kings ingħaqdu ma’ Swieqi United AFC fil-quċċata tal-klassifika tal-Kampjonat tat-tieni Diviżjoni tal-MAFA minkejja li spiċċaw fi draw ta’ 0-0 kontra Ħamrun Sporting.
Kienet logħba difensiva miż-żewġ timijiet li ftit ħallew lill-attakkanti rispettivi jagħmlu li jridu.
Dan id-draw ftit biddel il-klassifika ta’ Ħamrun Sporting li jinsabu fir-raba’ post tal-klassifika b’disa’ punti.
Referee kien Peter Abela.
Intlagħbu wkoll żewġ partiti mit-Tazza tas-70 Anniversarju tal-MAFA hekk kif San Ġwann Pro Evolution Academy u St Paul’s Bay NMFC qatgħu passaġġ għar-round li jmiss ta’ din il-kompetizzjoni.
San Ġwann Pro Evolution Academy għelbu lil-leaders tat-tieni diviżjoni Swieqi United AFC 2-1.
L-Istudenti Franċiżi kienu qed jitilfu din il-logħba iżda kienu kapaċi jdawru telfa b’rebħa sabiex kisbu l-ewwel suċċess staġjonali.
Kien Suhail Manthrammal li poġġa lil Swieqi minn fuq sabiex Bashehou Gassama għamilhom 1-1 b’Nino Barabe li ta r-rebħa finali lil San Ġwann.
Referee kien Thomas Debono.
Gowl uniku skorjat minn Bishar Khawash kien biżżejjed sabiex St Paul’s Bay NMFC jiksbu rebħa minima ta’ 1-0 kontra Gudja Wanderers.
Din kienet speċi ta’ tpattija sportiva min-naħa tat-tim minn San Pawl il-Baħar hekk kif l-Wanderers kienu rebħu l-logħba tal-kampjonat 2-1.
Lejn l-aħħar tal-partita, il-Gudjani bdew jheddu l-lasti avversarji iżda l-goalkeeper ta’ St Paul’s Bay Gurung Bijaya laqa’ dak kollu li ġie għal idejh.
Referee kien Gjorgji Bitri.

