Sunday, November 9, 2025

ATTEĠĠJAMENT LI MA JIXRAQX FIL-PARLAMENT

Aqra wkoll

Din il-ġimgħa, waqt l-għeluq tad-diskors tal-Prim Ministru dwar il-Budget 2026, ix-xena fil-Parlament rat episodju li ma jagħti ġieħ lil ħadd. Waqt li l-Prim Ministru Robert Abela kien qiegħed jagħlaq b’messaġġ serju u pożittiv dwar il-futur ta’ pajjiżna, membru Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista qagħdet bilwieqfa b’dahra quddiem il-kamera tax-xandir nazzjonali b’intenzjoni ċara li tgħatti lill-Prim Ministru mill-qafas tal-kamera. Dak li suppost kien mument ta’ dinjità istituzzjonali, inbidel f’ġest żbaljat u provokattiv li juri nuqqas ta’ rispett lejn il-Parlament, lejn il-Prim Ministru u lejn il-poplu Malti.

Dan l-aġir mhux biss kien diżrispett, imma wkoll simbolu ta’ kif l-Oppożizzjoni tilfet kull sens ta’ serjetà u professjonalità politika. Fejn il-Gvern jitkellem fuq viżjoni u fuq proġett ta’ pajjiż, hemm min jippreferi l-ispettaklu vojt. Qisu l-Parlament sar sfond għal xi wirja personali flok forum serju tad-demokrazija. Dan ma kienx att ta’ protesta, imma azzjoni intenzjonata ta’ tfixkil, att li juri kemm l-Oppożizzjoni tilfet ir-rispett lejn l-istituzzjonijiet li suppost iservuha.

Meta l-politika tinbidel f’palk ta’ provokazzjonijiet u ġesti teatrali ma jibqax spazju għad-djalogu serju, għall-ideat jew għall-proposti li jsaħħu l-pajjiż. Dak li rajna fil-Parlament kien rifless ta’ problema ħafna aktar profonda: Oppożizzjoni li m’għadhiex tħoss ir-responsabbiltà lejn il-poplu u lejn id-demokrazija tagħna.

Il-politika Maltija għaddiet minn ħafna fażijiet imma taħt il-Gvern Laburista rajna livell ġdid ta’ serjetà, stabbiltà u rispett lejn il-Parlament. L-Oppożizzjoni għandha tkun parti minn dan il-proċess, mhux tfixklu. Meta membru Parlamentari jagħżel li jġib ruħu b’dan il-mod, ikun qiegħed joffendi mhux biss lill-Prim Ministru, imma lil kull ċittadin li jħallas biex il-Parlament jaħdem u jagħti riżultati.

Dan l-inċident għandu jservi ta’ twissija politika u morali. Meta l-Oppożizzjoni titlef il-miżura bejn il-politika u l-ispettaklu, tinħoloq kriżi ta’ fiduċja. Il-poplu jibda jħossu ‘l bogħod mill-proċess demokratiku u dan jhedded il-bilanċ politiku u soċjali tal-pajjiż. F’demokrazija matura l-Gvern joffri viżjoni u l-Oppożizzjoni tikkontesta b’mod kostruttiv, mhux b’imġieba ta’ dan it-tip

Il-poplu Malti jaf jagħraf bejn il-maturità u l-mistħija, bejn il-politika ta’ servizz u l-politika tal-ostaklu. Il-Budget 2026 huwa mument storiku u kuraġġuż għal pajjiżna b’miżuri ta’ investiment, ġustizzja soċjali u sostenibbiltà li jagħtu futur aħjar lil kulħadd. Minflok ma tgħid li huwa tajjeb fejn jixraq, l-Oppożizzjoni għażlet li tgħatti, litteralment u simbolikament, il-messaġġ tal-Prim Ministru.

Il-Parlament huwa l-binja tal-poplu, mhux tal-propaganda personali. Il-poplu jrid politiċi li jservu u joffru viżjoni, mhux politiċi li jfittxu l-attenzjoni b’atti ta’ disprezz u għalhekk, fil-politika bħal fil-ħajja, min huwa serju għandu jitħalla jaħdem mentri min jfixkel għandu jibqa’ barra mill-proċess.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport