Saturday, December 21, 2024

Attendenza numeruża għall-Karnival tas-Sajf 2023

Aqra wkoll

Eluf ta’ persuni attendew għall-Karnival tas-Sajf li ttella’ mill-ġdid minn Festivals Malta wara nuqqas ta’ tliet snin. Din is-sena ttella’ fi tliet postijiet differenti: San Pawl il-Baħar, Birżebbuġa, u Marsaskala, b’kollaborazzjoni mal-kunsilli lokali rispettivi.

B’kollox ħadu sehem 11-il karru li żejnu t-toroq ta’ dawn il-lokalitajiet ferm popolari mal-familji Maltin u t-turisti li jżuruna.

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici qal li l-Karnival tas-Sajf huwa opportunità oħra sabiex jiġi esebit it-talent kbir li għandhom l-artisti tagħna. Saħaq li bis-saħħa ta’ dawn l-attivitajiet kulturali qed ikompli jissaħħaħ il-prodott turistiku ta’ pajjiżna, filwaqt li l-familji Maltin igawdu wkoll mill-esperjenzi sbieħ li jafu joffru dawn l-avvenimenti.

Huwa rringrazzja lit-tim kollu ta’ Festivals Malta u l-kunsilli lokali rispettivi tal-ħidma li twettqet.

Min-naħa tiegħu, iċ-Chairperson ta’ Festivals Malta, Aaron Zahra qal li, “Sodisfatti li wara nuqqas ta’ tliet snin, il-Karnival tas-Sajf ra attendenza numeruża ta’ Maltin u turisti. It-turisti preżenti wrew interess lejn dak li provdejna matul l-aħħar jiem, tant li kienu bosta li staqsew dwar il-Karnival li jsir f’Malta fil-ġranet xitwin. Inħarsu ’l quddiem għal Frar li ġej sabiex Festivals Malta flimkien mad-dilettanti tal-Karnival nerġgħu norganizzaw Karnival ta’ suċċess.”

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta, Frans Agius tenna s-sodisfazzjon tal-aġenzija għas-suċċess tal-Karnival tas-Sajf fejn ġie offrut spettaklu artistiku mill-aqwa. “Dan jinkoraġġina biex inkomplu ninvestu sabiex din l-attività tikber u tissaħħaħ fil-futur u tkompli tipprovdi divertiment spettakolari lill-pubbliku Malti u lill-barranin li jżuruna f’dawn il-jiem tas-sajf,” tenna s-Sur Agius.

Festivals Malta tfakkar li l-Karnival ta’ Malta 2024 se jseħħ bejn id-9 u t-13 ta’ Frar li ġej.

Ekonomija

Sport