Il-Pulizija għaddejja bi tfittxija għal ħalliel li l-Ħadd filgħaxija, għall-ħabta tal-għaxra (2200hrs) daħal biex jisraq minn ħanut tal-merċa li jinsab fi Triq il-Wied, Birkirkara.
Minn stħarriġ preliminari rriżulta li raġel mgħammad u allegatament armat b’sikkina, daħal fil-ħanut u talab il-flus lill-impjegat, Eritrean ta’ 34 sena, li immedjatament sakkar il-kexxun tal-flus.
Meta ra hekk, il-ħalliel agredixxa lill-kaxxier bi flixkun tal-ħġieġ li sab fil-ħanut, bi tnejn li huma jispiċċaw jissaraw ma’ xulxin. Il-ħalliel ħarab minn fuq il-post ftit tal-ħin wara mingħajr ma rnexxielu jieħu xejn. L-impjegat tal-ħanut aktar tard irrikorra f’ċentru tas-saħħa fejn kien iċċertifikat bi ġrieħi ħfief.
Il-Maġistrat Dr Ian Farrugia LL.D ġie infurmat bil-każ u ħatar inkjesta, filwaqt li linvestigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.