Wednesday, April 24, 2024

Atti vandali fil-Ġgantija ma jistgħux jitneħħew … Jekk jitneħħa tinqix issir aktar ħsara milli ġid

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Miktub minn Carmen Cachia    

Il-maqdes tal-Ġgantija fix-Xagħra Għawdex huwa ġojjel storiku ta’ importanza kbira, antik aktar minn 5,500 sena. Dawn it-tempji megalitiċi huma eqdem mill-piramidi ta’ Giża u kienu ddikjarati bħala Sit Storiku Dinji mill-UNESCO fl-1980. Hija verament ħsara, però, li fil-ġebel ġgantesk ta’ dan it-tempju reliġjuż, wieħed jinnota li hemm grif u kitba mnaqqxa minn persuni li ma japprezzawx u ma  jifhmux l-importanza ta’ dan il-sit storiku.

Din is-sena, minkejja r-restrizzjonijiet minħabba l-Covid-19, dan is-sit żaruh qrib il-200,000 persuna u dan ifisser li baqa’ wieħed mill-aktar attrazzjonijiet kulturali f’pajjiżna. Il-Ġgantija huwa wieħed mill-attrazzjonijiet li t-turisti li jżuru ma pajjiżna, jagħmlu minn kollox biex almenu darba f’ħajjithom, imorru jaraw il-meravilji tiegħu.

Inewsmalta marret fuq dan is-sit biex jara x’kien sar rigward xi atti vandali li kienu saru fuq il-ġebel tal-Ġgantija. Hawnhekk rajna li l-kitba b’kuluri m’għandhiex tidher iżda l-grif baqa’ mħaffer fil-ġebel storiku li għal eluf ta’ snin iġġieled lill-elementi tan-natura sakemm il-bniedem daħal fihom u ħadilhom mill-preġju storiku tagħhom b’atti irresponsabbli u egoistiċi.

Dan il-ġurnal tkellem ma’ Nicoline Sagona, Kuratriċi Anzjana t’Għawdex ma’ Heritage Malta fejn qaltilna li, “il-graffiti li kienu saru fuq il-ġebel ġewwa wieħed mit-Tempji tal-Ġgantija ma tneħħewx. Peress li l-att vandalu kien jikkonsisti f’tinqix fil-ġebel, jekk wieħed jipprova b’xi mod jillixxa l-wiċċ tal-ġebla biex it-tinqix ma jibqax jidher, jagħmel aktar ħsara milli ġid”. 

Il-kelliema spjegat kif biż-żmien, il-ġebla Maltija trabbi skorċa u din tipproteġi l-wiċċ tal-ġebla. Sagona sosniet li, għalkemm fit-Tempji nfushom hemm spjegat ċar li atti vandali bħal dawn huma llegali, huma jiltaqgħu ma’ kull tip ta’ viżitatur u saħqet fl-importanza li l-poplu jiġi edukat.

Apparat li jsegwi ċaqlieq fl-istruttura

Bħala parti mill-pjan ta’ konservazzjoni ta’ dan is-sit ta’ wirt dinjiji bħalissa għaddej moniteraġġ tal-istabbiltà tal-faċċata tat-Tempji. Dan qiegħed isir permezz ta’ movement sensors li jiġġeneraw informazzjoni li tgħin biex tkun studjata aħjar f’liema punti tal-faċċata jista’ jkun hemm xi tip ta’ ċaqlieq fl-istruttura.

Din hija l-ewwel fażi ta’ proġett ikbar, parzjalment iffinanzjat mill-UNESCO, li għandu l-għan finali li tissaħħaħ l-integrità strutturali tat-Tempji tal-Ġgantija. Fost diversi proġetti li huma mistennija li jsiru fis-snin li ġejjin hemm ir-riġenerazzjoni u t-tisbieħ tal-pajsaġġ naturali, li huwa parti integrali ta’ dan il-kumpless, kif ukoll l-iżvilupp ta’ numru ta’ servizzi interpretattivi biex tiġi assigurata esperjenza edukattiva u ta’ kwalità lil kull viżitatur.

It-Tempji tal-Ġgantija

* Kumpless storiku tal-era Neolitika li jinsab fil-gżira Mediterranja ta’ Għawdex;

* Inbena bejn 3,600-2,500 qabel Kristu, jiġifieri antik aktar minn 5,500 sena;

* Dan it-tempju megalitiku huwa eqdem mill-piramidi famużi ta’ Giza fl-Eġittu;

* Din hija t-tieni l-eqdem struttura reliġjuża mibnija mill-bniedem fid-dinja;

* L-eqdem struttura ta’ dan it-tip hija l-Gobekli Tepe, fit-Turkija;

* It-tempji kienu sit għaċ-ċerimonji ta’ riti għall-fertilità:

* Ix-xogħol tal-iskavar ta’ dan it-Tempju sar fl-1827;

* L-art kienet proprjetà privata sakemm il-Gvern ħadha fl-1933;

* Bejn 1933 u l-1959 saru xogħolijiet estensivi għall-preservazzjoni ta’ dan il-wirt kulturali;

* Il-UNESCO ddikjarat lill-Gġantija bħala sit ta’ wirt dinji fl-1980. Fil-lista dan it-tempju ngħata l-isem uffiċjali ta’ “It-Tempji Megalitiċi tal-Ġgantija”;

* Fis-snin 2000 dan it-Tempju u l-abitat ta’ madwaru ġew restawrati u riabilitati. 

* Fl-2011 saru passaġġi apposta, mentri fl-2013 is-sit ġie żviluppat f’attrazzjoni storika u nfetaħ uffiċjalment għall-pubbliku.

Sport