Saturday, December 21, 2024

Attivisti favur l-għażla jistiednu lill-pubbliku għal diskussjoni miftuħa dwar l-abort

Aqra wkoll

Ilbieraħ ġewwa l-Belt Valletta, grupp ta’ attivisti favur l-għażla stiednu lill-pubbliku sabiex jipparteċipaw f’konverżazzjoni miftuħa dwar l-abort. Huma sostnew kif illum, aktar nies minn qatt qabel jemmnu fil-ħtieġa li jiġi dekriminalizzat l-abort. Irrikonoxxew ukoll li d-djalogu kontinwu huwa essenzjali sabiex tiġi indirizzata l-istigma fis-soċjetà Maltija fejn jidħol dan is-suġġett.

L-attività offriet spazju miftuħ għall-parteċipanti sabiex jaqsmu l-ħsibijiet tagħhom. L-attivisti qegħdin iħeġġu lin-nies sabiex ma jarawx id-dibattitu dwar l-abort bħala wieħed ta’ ‘jew iswed jew abjad’, imma jikkunsidraw kull storja fuq il-merti tagħha stess, sabiex titrawwem sens ta’ empatija u ftehim.

L-attivisti qed iħeġġu lin-nies jitkellmu b’mod miftuħ dwar l-esperjenzi personali tagħhom tal-abort, biex jibda jitkisser il-ħajt ta’ silenzju u stigma madwar is-suġġett. Meta l-istejjer personali jibqgħu ma jinstemgħux, l-abort qed ikompli jiġi mħares bħala xi ħaġa rari, meta fir-realtà, aktar minn persuna waħda kuljum f’Malta tfittex li tagħmel abort. L-esperjenzi iservu biex joħolqu konverżazzjoni li tant għandna bżonn, biex finalment twassal għal iktar tolleranza u empatija fost dawk li jopponu l-abort.

Huma qed jistiednu wkoll lill-pubbliku sabiex dan is-Sibt, 28 ta’ Settembru, fil-5pm jingħaqdu magħhom minn Pjazza Kastilja, f’mixja b’solidarjetà, sabiex isir lill-Gvern biex jieħu azzjoni biex l-abort ma jibqax kriminalizzat. Waqt l-attività, l-għaqda Doctors for Choice se tiżvela wkoll kampanja ġdida — kampanja tal-ewwel tax-xorta tagħha f’Malta li tinvolvi diversi nisa kuraġġużi.

Ekonomija

Sport