Friday, December 27, 2024

Attivisti tal-annimali favur liġi li tikkriminalizza l-bestjalità

Aqra wkoll

Il-Kummissarju tal-annimali jħoss li l-interess tal-annimali huwa diġà protett minn kull abbuż; tal-fehma li l-piena karċerarja tiżdied sa almenu 5 snin

Minn Maria Azzopardi

Għadd ta’ attivisti favur id-drittijiet tal-annimali jaqblu u jemmnu li f’pajjiżna għandha ssir liġi li tikkriminalizza l-bestjalità. Rosalind Agius, li tmexxi l-Assoċjazzjoni tal-anninali abbandunati (AAA), saħqet li għandha tingħata sentenza ta’ priġunerija flimkien ma’ multa bħalma jsir fil-maġġoranza tal-pajjiżi Ewropej. Agius qalet li l-bestjalità mhi xejn ħlief stupru fuq speċi oħra.

Hija qalet dan meta mistoqsija minna fl-isfond tal-każ li seħħ ftit tal-jiem ilu fejn raħħal f’San Ġiljan qabad raġel barrani fir-razzett tiegħu li allegatament daħal biex imurlu man-nagħaġ. Skont dak li ġie rrapportat, ir-raħħal irrakkonta kif dan ir-raġel barrani daħal erba’ darbiet u allegatament l-aħħar darba li daħal, meta l-Pulizija qabduh hemm, sabu li beda jaqfel iċ-ċintorin.

L-att li jkollok attivitajiet sesswali ma’ annimal minn dejjem kien suġġett ta’ kontroversja, partikolarment ma’ organizzazzjonijiet għall-protezzjoni tal-annimali. B’mod sinifikanti, dan huwa minħabba li l-annimali m’għandhomx l-istess livell ta’ ġudizzju jew moralità bħall-bnedmin, u għalhekk ma jistgħux jagħtu l-kunsens. Barra minn hekk, l-annimali ma jistgħux jiddefendu lilhom infushom. Skont dak li ġie rrapportat internazzjonalment, fost l-annimali li jispiċċaw vittma ta’ bestjalità hemm il-klieb, il-baqar, iż-żwiemel, in-nagħaġ u t-tiġieġ.

Il-maġġoranza tal-pajjiżi Ewropej jikkriminalizzaw l-att ta’ bestjalità iżda hemm pajjiżi madwar id-dinja li dan l-att għadu legali. Sekli ilu, il-bestjalità kienet ikkunsidrata bħala offiża gravi u f’xi każijiet min kien iwettaq dan l-att kien jingħata s-sentenza tal-mewt.

“L-interess tal-annimali huwa diġà protett minn kull abbuż, anke sesswali”

Tkellimna mal-Kummissarju għat-trattament xieraq tal-annimali Denis Montebello. Montebello qal li fejn jirrigwardja l-interess tal-annimali jħoss li dan huwa diġà protett minn kull abbuż, anke sesswali, bid-dispożizzjoni tal-Artikolu 8 tal-Kap 439 (L-Animal Welfare Act). Dan jipprovdi għal piena karċerarja għal massimu ta’ tliet snin u/jew piena pekunarja għal kull abbuż kontra l-annimal, kompriża l-krudeltà estrema u l-qtil. Montebello qal li għalhekk jinkludi żgur kull abbuż sesswali fuq l-annimali, u hawnhekk mingħajr bżonn ta’ ebda prova ta’ konsenswalità.

Montebello qal li jekk dawn il-pieni humiex adegwati, “ikolli ngħid li, fil-fehma tiegħi, jkun ħafna iktar ta’ deterrent u ta’ iktar promozzjoni u enfasi fuq id-drittijiet tal-annimali li l-piena karċerarja tiżdied sa almenu ħames snin biex il-ġudikant ikollu aktar latitudni biex jiddistingwi bejn il-gravità ta’ reat u ieħor u jkun jista’ japplika aħjar il-pieni opportuni. B’hekk ukoll, l-abbuż sesswali fuq l-annimal ikun jista’ jiġi kkunsidrat ukoll bħala reat estrem, bil-piena tkun tista’ tirrifletti wkoll, oltre s-sofferenza tal-annimal, l-att li jmur kontra n-natura, il-morali u l-ordni pubbliku.”

Ekonomija

Sport