Bħal kull sena l-aħħar ġimgħa ta’ Settembru tkun iddedikata għall-Ġimgħa Ewropea tal-Isport. Dan kollu se jsir bejn it-23 u t-30 ta’ Settembru li ġej. Bħal kull pajjiż Ewropew anke Malta se tkun qed tieħu sehem f’dawn l-attivitajiet. Normalment diversi kunsilli lokali jorganizzaw ukoll l-avvenimenti tagħhom u wieħed partikolari hu dak tal-Għargħur.
Fil-fatt se tiġi organizzata dik li ssejħet bħala The Morning Dash Clash 5 KM li se tkun ukoll l-ewwel tiġrija tax-xorta tagħha li se tiġi organizzata b’kollaborazzjoni mal-MESA. L-għan ta’ dan l-avveniment hu li diversi sportivi u atleti jieħdu pjaċir bejniethom filwaqt li jgħinu lill-fondazzjoni Puttinu Cares. Madankollu apparti l-ġiri, hemm ukoll sport ieħor li se jkun qed iseħħ bħal futbol, snooker, attivitajiet fil-gym u boxing.
Mariah Meli hi kunsilliera fil-Għargħur. Hi ngħatat id-dekasteru tal-isport, attivitajiet fiżiċi fosthom il-familja, is-saħħa, is-settur tad-diżabbiltà u programmi tal-Unjoni Ewropea. Hi tatna aktar informazzjoni dwar x’qed jistennew minn din l-attività.
“Għall-ewwel darba se jkollna diversi kollaborazzjonijiet ma’ entitajiet sportivi u dan se jagħmel l-attivitajiet ferm iktar interessanti.”
“L-għan ukoll hu li ngħaqdu numru ta’ nies ta’ etajiet differenti u jieħdu pjaċir flimkien.”
Meli spjegat li għalkemm il-parteċipazzjoni hi bla ħlas, qed tiġi mitluba donazzjoni minima ta’ ħames ewro li eventwalment tmur għall-Fundazzjoni Puttinu Cares.
Bla dubju li skont Meli l-qofol tal-attivitajiet se jkunu fi tmiem il-ġimgħa bejn it-28 u d-29 ta’ Settembru fejn se jsiru numru ta’ attivitajiet sportivi f’salt u diversi entitajiet tal-lokal se jkunu qed jikkollaboraw fosthom Għargħur FC.
Apparti l-isport, se jkun hemm ukoll diskussjoni ma’ Leanne Bartolo dwar kif wieħed jista’ jiekol b’mod san u tajjeb.
“Biex nikkonkludi, ngħid li se tkun attivita’ ferm mistennija mhux biss mill-Għargħurin iżda wkoll mill-pubbliku sportiv Malti li mistenni jikkonkorri sabiex jieħu sehem f’dawn l-attivitajiet li se norganizzaw. Nixtieq nirringrazzja lil dawk kollha li se jkunu qed jgħinuna mhux biss sħabi tal-kunsill lokali iżda wkoll in-numru ta’ voluntiera. Fl-aħħar mill-aħħar se nkunu qed norganizzaw din l-attivita’ mhux biss biex nippromwovu l-attivita’ fiżika iżda wkoll biex ngħinu l-Fundazzjoni Puttinu Cares li tant ikollha bżonn fondi kull jum li jgħaddi. Wieħed jista’ japplika għal din l-attivitá fuq dan il-link: https://forms.gle/mSzSVDSCxB9hnBdP9.