Il-Ħadd li għadda, fil-ġonna pubbliċi ta’ Villa Rundle fi Triq ir-Repubblika, ir-Rabat, Għawdex ġiet organizzata attività fejn ingħata tagħrif dwar il-firxa ta’ servizzi disponibbli għall-anzjani offruti mill-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar.
Kienet għodwa ta’ pjaċir u informazzjoni ta’ servizzi siewja mfassla biex itejbu l-ħajja tal-anzjani kif ukoll tal-familja fejn kienu jinkludu attivitajiet għall-etajiet kollha.
L-avveniment beda fit-8.30 a.m. fl-anfiteatru tal-Villa Rundle b’quddiesa ċċelebrata mil-Isqof t’Għawdex, Mons. Anton Teuma. Wara l-quddiesa dawk preżenti setgħu jattendu għal attivitajiet ta’ divertiment flimkien ta’ kant u żfin mal-line dancers. Kien hemm parteċipazzjoni sabiħa minn dawk preżenti, oħrajn qagħdu isegwu dak kollu li kien għaddej.
It-tfal ukoll ingħaqdu mal-anzjani tagħhom permezz ta’ logħob u divertiment, jitgħallmu u igawdija l-familja tagħhom. Kienet għodwa b’esperjenza mimli b’attivitajiet ta’ involviment imfassla u ffukati apposta għall-anzjani.