L-immigranti li jgħixu f’Għawdex tlaqqgħu flimkien f’attività li kienet organizzata mill-Isoqf Anton Teuma.
Din l-attivtà bdiet b’quddiesa li saret apposta bl-Ingliż li tmexxiet minn Dun Noel Saliba li hu responsabbli mill-uffiċċju ta’ Kordinament u Sapport għall-Komunitajiet Etniċi fi ħdan id-Djoċesi t’Għawdex.
Kienet il-komunità tal-Filippini f’Għawdex li animat din il-quddiesa filwaqt li rappreżentanti mill-Komunità tal-Anglikani f’Għawdex qraw l-qari.
F’Għawdex jgħixu madwar 4,000 barrani, ġejjin minn 10 komunitajiet differenti minn madwar id-dinja. Fosthom tliet komunitajiet ta’ Ingliżi Kattoliċi, u komunità ta’ Ingliżi Anglikani, Taljani, Filippini, Serbi Ortodossi, Indjani, u min-Nepal.
Rappreżentanti minn kull komunità etnika f’Għawdex għamlu preżentazzjoni qasira dwar il-ħidma ta’ kull komunità u esprimew dak li sabu ta’ għajnuna u xi diffikultajiet, kultant serji, li jiltaqgħu magħhom.
L-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma, li sellem lil dawk preżenti personalment u wara wassal il-messaġġ tiegħu. Mons. Isqof irrefera għall-kontribut siewi u indispensabbli li dawn il-komunitajiet qegħdin joffru lis-soċjetà Għawdxija u semma kif il-preżenza ta’ dawn il-komunitajiet hija rikkezza li għandha tkun rikonoxxuta u apprezzata, biex jintegraw aħjar fis-soċjetà tagħna u jintlaħaq il-ġid komuni.
“L-imħabba hi aċċettazzjoni”, tenna l-Isqof, li fit-tmiem irringrazzja lil dawk kollha li qegħdin jgħinu f’din il-ħidma pastorali mal-barranin f’Għawdex, fosthom lill-Kan. Noel Saliba, lill-membri tal-Leġjun ta’ Marija, lill-Patrijiet Franġiskani Konventwali, u lil dawk kollha li qegħdin jospitaw lid-diversi komunitajiet għal-laqgħat tagħhom. Imbagħad ippreżenta Ċertifikat tal-okkażjoni lill-mexxejja ta’ kull komunità.
Qabel tmiem il-laqgħa, ma naqsux xi ħaġa tal-ikel u xorb, u xi ritratti tal-okkażjoni. Kienu diversi minn dawk preżenti li wrew ix-xewqa li laqgħat bħal dawn isiru regolarment u jidħlu fil-kalendarju ta’ Għawdex.