Tuesday, December 24, 2024

Attività interattiva għat-tfal mal-annimali fil-petting farm f’Ta’ Qali

Aqra wkoll

Kull Ħadd ta’ Mejju bejn id-disgħa ta’ filgħodu u nofsinhar, fil-petting farm ta’ Ta’ Qali se tkun qed tittella’ attività interattiva għat-tfal bl-isem ‘Furry Fun Sundays’. Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli, mis-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said, flimkien mal-Kap Eżekuttiv ta’ Project Green Steve Ellul.

Il-petting farm f’Ta’ Qali huwa spazju miftuħ ta’ madwar 4,000 metru kwadru fejn il-pubbliku, speċjalment it-tfal, jistgħu jaraw bosta annimali fosthom nagħaġ, għasafar, fniek, żiemel u lama. Matul din l-attività ta’ kull nhar ta’ Ħadd fix-xahar ta’ Mejju, il-viżitaturi se jkunu jistgħu jgawdu aktar mill-qrib dawn l-annimali u japprezzaw ix-xogħol tal-ħaddiema li jieħdu ħsiebhom. Kull ġimgħa, waqt din l-attività se jkun hemm ukoll diversi attivitajiet divertenti u interattivi għall-familja kollha, fosthom tħawwil ta’ pjanti kif ukoll opportunità biex it-tfal jiddisinjaw il-ġnien ideali tagħhom.

Il-Ministru Miriam Dalli spjegat li attivitajiet bħal dawn iservu ta’ opportunità biex it-tfal ikunu eqreb tal-ħajja naturali u jsiru ħbieb tal-annimali. “Nixtiequ li l-ġonna u l-parks tagħna nkomplu ngawduhom kemm jista’ jkun. B’attivitajiet bħal dawn qed inkomplu nħeġġu l-familji f’Malta u Għawdex iqattgħu aktar ħin flimkien, f’ambjent sabiħ, qalb in-natura”, qalet il-Ministru Dalli. Il-ministru għall-ambjent żiedet tgħid li l-annimali joffru sens ta’ terapija għat-tfal, għall-ġid tal-iżvilupp soċjali, fiżiku u emozzjonali tagħhom.

Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said spjegat li din l-attività ser tgħin lit-tfal biex ikomplu japprezzaw l-importanza tal-annimali f’ħajjithom. “L-edukazzjoni u l-esperjenzi ta’ kuljum huma l-ikbar ċavetta għall-progress li rridu nwettqu. Din l-inizjattiva hija opportunità biex nedukaw u nrawmu lit-tfal tagħna biex iħobbu l-annimali, u jirrispettaw il-ħtiġijiet u l-bżonnijiet tagħhom ta’ kuljum”, qalet is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said. Qalet ukoll li din l-attività hija opportunità oħra għall-poplu Malti u Għawdxi biex ikompli jgħix f’armonija man-natura u mal-annimali madwaru.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Project Green, Steve Ellul, spjega li kull spazju miftuħ qed jingħata użu differenti u b’avvenimenti bħal dawn qed jiġi assigurat li dawn l-ispazji nagħtuhom il-ħajja u jibqgħu jintużaw min-nies. Huwa qal li Milden Grove jinsab biswit il-petting farm f’Ta’ Qali u b’hekk l-attività organizzata ġiet maħsuba biex tkun relatata mal-annimali. “Attività differenti li tiġbed aktar it-tfal lejn spazji miftuħa u tagħti lok għall-familji biex igawdu aktar ħin flimkien”, qal Steve Ellul.

Aktar tagħrif dwar dawn l-attivitajiet jinsab fil-paġni ta’ Facebook ta’ Project Green, Sostenibbiltà u Sajd.

Ekonomija

Sport