Saturday, December 21, 2024

Attività nobbli minn Lazio Supporters Club Malta Est. 2000 b’risq Dar Bjorn

Aqra wkoll

Lazio Supporters Club Malta Est. 2000 organizzaw serata interessanti nhar il-Ġimgħa 8 ta’ Settembru 2023 bl-isem ta’ ‘Il Centenario Opening Night’ fejn ġie onorat wieħed mill-aqwa plejers li qatt kellhom Tommaso Maestrelli. 

F’din l-attivita’ li saret f’Dar Bjorn f”Ħaż-Żebbuġ inġabru flus b’risq l-ALS Malta.

Mistiedna speċjali kienu iben Tommaso Maestrelli, Massimo Maestrellii, l-eks plejer ta’ Lazio Giancarlo Oddi, il-kantant Toni Malco u l-ġurnalisti, Stefano Ghezzi u Michela Catena, li kellhom laqgħa sabiħa mal-partitarji numerużi Laziali.

Tommaso Maestrelli twieled fl-1922 u miet fl-1976 u kien wieħed mill-aqwa kowċis li qatt kellhom il-Biancocelesti. Hu kien jilgħab bħala plejer f’nofs il-grawnd u deher bil-flokkjiet ta’ Bari, Roma u Lucchese. Bħala kowċ ta’ Lazio bejn l-1971 u l-1976 hu rnexxielu jġib lejn il-belt kapitali Taljana l-ewwel Scudetto uffiċjali fl-1973.

Is-suċċessi li kiseb Maestrelli kienu ferm prestiġġjużi u grazzi għall-kampjonat Taljan fl-1973, hu ngħata anke il Seminatore d’Oro.

Ibnu Massimo kien mistieden sabiex janima din is-serata tant interessanti f’isem il-familja Maestrelli.

F’kumment li ta lil din il-gazzetta, Massimo Maestrelli qal li Lazio kellhom kampjonat verament tajjeb fl-istaġun li għadda fejn saħansitra spiċċaw fit-tieni post. Hu jemmen li dan l-istaġun jistgħu jirkupraw mill-bidu ħażin li kellhom anke għax għandhom il-plejers neċessarji sabiex jagħmlu dan kollu.

Massimo Maestrelli faħħar sew lil Maurizio Sarri li qal hu l-bniedem adattat sabiex iwassal lil Lazio għall-objettivi staġjonali tagħhom.

Giancarlo Oddi hu diriġent sportiv pero’ b’rabta speċjali ma’ Lazio hekk kif lagħab magħhom bejn l-1967 u l-1975. B’aktar minn 100 preżenza, hu kien parti mir-rebħ tal-kampjonat Taljan fl-1973. Hu kien ukoll parti mill-istaff tekniku Laziale għal numru ta’ snin. 

Toni Malco hu preżentatur popolari minn Ruma li għandu għal qalbu lil Lazio. Hu wassal il-vuċi tiegħu fuq is-settijiet tar-radju u f’diversi mezzi tax-xandir oħrajn.

Dwar Lazio, Malco qal li l-fatt li t-tim wasal għall-kwalifikazzjoni tal-UEFA Champions League hi xi ħaġa kbira u faħħar il-perseveranza tal-kowċ Maurizio Sarri li wassal lit-tim għal dan is-suċċess. Hu semma wkoll li issa l-klabb se jkun mingħajr Igli Tare li kien qed jokkupa l-kariga ta’ direttur sportiv. Minkejja kollox, skont Malco, Claudio Lotito li hu l-president ta’ Lazio, kapaċi jokkupa dan ir-rwol sakemm isibu l-bniedem ideali sabiex joħodlu postu.

Kollha kemm huma qablu li l-bidu tal-kampjonat tal-Biancocelesti ma kienx wieħed ideali iżda jinsabu ħerqana sabiex jaraw ir-reazzjoni tat-tim li jinsabu ċerti li se tasal speċjalment wara din il-waqfa internazjonali li se sservi ta’ ġid.

Preżenti wkoll f’din is-serata li saret f’Ħaż-Żebbuġ kien ukoll Mario Notari minn Centro Studi 1900 u li hu l-ideatur ta’ din l-eżibizzjoni dwar Tommaso Maestrelli. Kif ghedna, kien hemm ukoll żewġ ġurnalisti Taljani iżda li jissimpatizzaw ma’ Lazio jiġifieri Stefano Ghezzi u Michela Catena.


Il-ġurnalisti Stefano Ghezzi u Michela Catena faħħru s-suq tat-trasferimenti ta’ Lazio fejn ġabu plejers żgħażagħ u oħrajn ta’ esperjenza. Huma ħadu lil Taty Castellanos, Gustav Isaksen, Daichi Kamada, Luca Pellegrini u Nicolo Rovella filwaqt li fl-aħħar mumenti kien hemm l-akkwist ta’ Matteo Guendouzi.

Minkejja kollox, huma semmew li t-trasferiment ta’ Sergej Milinkovic Savic lejn l-Arabja Sawdija hu wieħed li sewdilhom xi ftit qalbhom għalkemm il-ħajja trid tkompli sejra. Apparti minn hekk kien hemm it-tiġdid fil-kuntratt ta’ Luis Alberto u Pedro u għalhekk hemm iċ-ċertezza li plejers li draw l-ambjent fil-belt kapitali Taljana jibqgħu għaddejjin b’mod normali.

Ghezzi u Catena kienu tal-fehma li l-parteċipazzjoni ta’ Lazio fil-UEFA Champions League se tkun ta’ introjtu importanti għall-klabb u jittamaw li din il-bravura tiġi ripetuta fl-aħħar ta’ dan l-istaġun sabiex il-klabb ikun finanzjarjament stabbli.

Ekonomija

Sport