Sunday, November 24, 2024

ATTO tilqa’ r-rowl ta’ Malta fil-Kumitat Dwar it-Trasport ta’ l-UE

Ir-rappreżentanta tal-operaturi tal-loġistika Maltin tara dan bħala pass importanti…

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

L-Assoċjazzjoni Maltija ta’ l-Operaturi tat-Trailers (ATTO) laqgħet l-aħbar li Malta issa se jkollha rwol dirett fuq il-Kumitat dwar it-Trasport fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea. Din l-Assoċjazzjoni tirrappreżenta lill-operaturi tal-loġistika Maltin li joffru trasport bit-triq bejn Malta u l-kumplament ta’ l-Ewropa. Il-membri tagħha jirrappreżentaw 80% tal-importaturi u esportaturi f’Malta fost industriji differenti li jinkludu l-avjazzjoni, ħwejjeġ, ikel, materja prima, farmaċewtika u ħafna prodotti oħra.

Fir-rigward iċ-Chairman ta’ ATTO, Joseph Bugeja, qal li, “il-fatt li Malta issa se jkollha lill-MEP Daniel Attard fuq il-Kumitat dwar it-Trasport ta’ l-Unjoni Ewropa huwa pass importanti fid-direzzjoni t-tajba għax dan għandu jiggarantixxi li l-interessi speċifiċi tal-pajjiżi gżejjer bħal Malta, ikunu fuq quddiem fl-aġenda ta’ l-UE”.

Dan l-aħħar din l-Assoċjazzjoni kellha laqgħa kordjali mal-MEPs Maltin Alex Agius Saliba, Daniel Attard u Thomas Bajada li matulha ż-żewġ naħat qablu li se jżommu djalogu bejniethom biex ikun żgurat li l-interessi ekonomiċi ta’ Malta jibqgħu mħarsa biex is-servizzi internazzjonali bit-trailers li joffru l-membri ta’ ATTO jibqgħu mħarsa u jkomplu jissaħħu. 

Direttiva li mhiex kollha kemm hija ġusta

Waqt din il-laqgħa ATTO spjegat kif id-Direttiva ETS li tobbliga lill-kumpaniji ta’ tbaħħir biex jagħmlu tajjeb għall-emissjonijiet, mhiex kollha kemm hija ġusta fir-rigward ta’ pajjiżi gżejjer bħal Malta. Dan minħabba li niddependu b’mod sħiħ fuq it-trasport bil-baħar għal dak kollu li għandna bżonn.

Waqt il-laqgħa Joseph Bugeja ppreżenta lit-tliet MPEs dokument imressaq lill-Parlament Ewropew minn rappreżentanti tal-operaturi tat-trasport u t-trasport tal-merkanzija f’Malta, l-Irlanda u Ċipru għal reviżjoni tad-Direttiva dwar it-Trasport Magħqud tal-UE li qiegħed ikollha impatt speċifiku fuq il-loġistika u l-provvista tat-tliet pajjiżi. 

“Minkejja li Malta, Ċipru u l-Irlanda huma tliet stati gżejjer membri tal-Unjoni Ewropea, il-politika fil-livell tal-UE mhiex qiegħda tikkonsidra l-kundizzjonijiet speċifiċi ta’ dawn il-pajjiżi. L-opinjoni tagħna hija li konnessjonijiet bejn nazzjonijiet gżejjer u l-UE kontinentali għandhom awtomatikament jitqiesu bħala trasport kombinat,” kompla Bugeja.

Position Paper li tħeġġeġ għal reviżjoni fil-liġijiet preżenti…

Il-position paper li tfasslet minn ATTO, l-Irish Road Haulage Association (IRHA) u l-Kamra tal-Kummerċ u l-Industrija ta’ Ċipru, qiegħda tħeġġeġ lill-Parlament Ewropew biex jirrevedi l-liġijiet li hemm bħalissa dwar it-trasport bit-triq minħabba l-kompetizzjoni inġusta li hemm bejn dawn il-pajjiżi gżejjer u l-kumplament tal-kontinent Ewropew.

Min-naħa tiegħu Joseph Bugeja temm jgħid li, “il-kwistjonijiet attwali li qiegħda tiffaċċja l-industrija tagħna jagħmlu din id-dokument wieħed definittiv għal ATTO u għall-imsieħba tagħna f’Ċipru u fl-Irlanda u jippermettu lill-ATTO tieħu tmexxija f’din il-kwistjoni kruċjali”.

Sport