Friday, November 15, 2024

Australian Open: Medvedev u Tsitsipas fis-semi-finali

Aqra wkoll

Is-seed numru 2, Daniil Medvedev, u dak numru 4, Stefanos Tsitsipas, għaddew għas-semi-finali tal-Australian Open li qed isir f’Melbourne Park, biex għada jiltaqgħu kontra xulxin għal post fil-finali tal-Ħadd li ġej.

Il-favorit għat-titlu, Medvedev, salva match point qabel ma pproduċa rimonta stupenda kontra l- Kanadiż, Felix Auger-Aliassime, biex eventwalment rebaħ 6-7 (4-7) 3-6 7-6 (7-2) 7-5 6-4, u sar l-ewwel player li għamel rimonta minn żewġ sets minn taħt f’Melbourne din is-sena.

Medvedev, 25 sena, qed jimmira li jmur pass ’il quddiem mis-sena l-oħra meta tilef il-finali kontra Novak Djokovic, li din is-sena mhux qed jieħu sehem.

Medvedev sab ruħu żewġ sets minn taħt iżda sab il-livell tiegħu hekk kif il-Kanadiż ta’ 21 sena – li kien qed jimmira għall-ewwel semi-finali tiegħu fl-Awstralja – sab lir-Russu aktar diffiċli biex ikisser.

It-tielet set ħadu Medvedev b’tie-break, li twaqqaf għal sitt minuti bl-iskor ta’ 2-1 hekk kif is-saqaf tar-Rod Laver Arena ngħalaq minħabba x-xita.

Id-disa’ seed Auger-Aliassime kel­lu match point meta l-iskor fir-raba’ set kien 5-4, iżda wasal u għadda malajr ħafna.

Il-waqfa ma ħarbtitx ir-ritmu ta’ Medvedev hekk kif żamm għal 4-2, biss għal żball doppju ta break point mhux mistenni lil Auger-  Aliassime fit-tmien logħba.

L-ewwel service enormi salva lil Medvedev mill-ġdid u, meta serva għall-partita, ir-Russu salva żewġ break points oħra qabel finalment issiġilla r-rebħa meta Auger-Aliassime tefa’ barra fit-tul.

Min-naħa tiegħu Tsitsipas kiseb rebħa dominanti fuq it-Taljan seed numtu 11, Jannik Sinner, bil-player ta’ 23 sena joħroġ rebbieħ fi tliet sets, 6-3 6-4 6-2 b’Sinner kien qed jittama li jkun fl-aħħar erbgħa mal- kompatrijott tiegħu, Matteo Berrettini.

Issa Tsitsipas għandu l-opportunita’ li jpatti għat-telfa tas-sena l-oħra kontra Medvedev fis-semi-finali ta’ dan l-Open biex jasal sal- ewwel finali tiegħu f’Melbour­ne.

COLLINS U SWIATEK

GĦAL POST FIL-FINALI

L-Amerikana Danielle Collins u l-Pollakka Iga Swiatek, għaddew għas-semi-final femminili u llum jiltaqgħu għal post fil-finali tas-Sibt. Is-semi-finali l-oħra hija bejn l-Awstraljana Ashleigh Barty u l-Amerikana Madison Keys.

Collins temmet il-mixja tal-ħolm tal-Franċiża, Alize Cornet, b’rebħa 7-5 6-1, fejn wara li bbrejkjat lil Cornet biex ħadet l-ewwel set, is-seed numru 27 żiedet l-aggressjoni biex ħadet l-ħames games ta’ wara.

Cornet, li lagħbet l-ewwel kwarti-finali tal-Grand Slam fit-63 dehra tagħha f’tournaments maġġuri, fl-aħħar żammet is-servizz biex Collins serviet l-partita.

Collins ma wriet l-ebda nervi hekk kif immartellat forehand mal- linja biex taqla’ żewġ punti ta’ logħ­ba, imbagħad issiġillata meta Cornet tefgħet forehand fix-xibka.

Min-naħa tagħha Swietek, għelbet lill-veterana Kaia Kanepi tal-Estonja fi tliet sets, 4-6 7-6 (7-2) 6-3.

Swiatek, li fl-2020 rebħet il-French Open bħala adoloxxenta, se tilgħab fit-tieni semi-finali tagħha tal-Grand Slam wara taqtiegħa intensa li ħadet iktar minn tliet si­għat.

Għal Kanepi, 36 sena, kienet kwarti-finali ta’ qsim il-qalb meta kienet qed tilgħab f’dan l-istadju għas-seba’ darba wara li s-sitta l-oħ­ra tilfithom kollha.

Ekonomija

Sport