Saturday, December 21, 2024

Australian Open: Rafael Nadal jibda fuq nota pożittiva

Aqra wkoll

Fl-ewwel ġurnata tal-Australian Open 2022 li beda l-bieraħ f’Melbourne Park, l-Ispanjol Rafael Nadal, li huwa l-uniku player li qed jieħu sehem li fil-passat rebaħ dan l-Open, ħareġ minn fuq fil-konfront kontra l-Amerikan Marcos Giron meta għelbu 6-1 6-4 6-2.

Is-seed numru 6, Nadal, irritorna fil-Grand Slam wara ħames xhur barra minħabba injury f’siequ. Huwa rari ġie nkwetat minn Giron tant li fajjar 34 shots rebbieħa biex issa jilgħab kontra l-Ġermaniż, Yannick Hanfmann li għeleb lill-favorit lokali, Thanasi Kokkinakis 6-2 6-3 6-2.

Il-Ġermaniż Alexander Zverev ħa l-ħin biex jidħol fil-logħba tant li kellu jitħabat biex jelimina lill-kompatrijott tiegħu, Da­niel Altmaier, fit-tentattiv li jirbaħ l-ewwel titlu tiegħu tal-Grand Slam meta għeleb lin-numru 87, 7-6 (7-3) 6-1 7-6 (7-1) taħt id-dawk artifiċjali tar-Rod Laver Arena.

Il-finalista ta’ Wimbledon, Matteo Berrettini, minbarra li kellu jagħleb lill-Amerikan, Brandon Nakashima, kellu jitħabat ma’ problemi fl-istonku fir-rebħa li ħadet tliet sigħat u 10 minuti. It-Taljan rebaħ f’erba’ sets 4-6 6-2 7-6 (7-5) 6-3 biex kompla javvanza.

Il-Kanadiż, li rebaħ l-ATP Cup ma’ pajjiżu l-ġimgħa ta’ qabel, Denis Shapova­lov, ukoll kellu jitħabat biex jelimina lis-Serb, Laslo Djere, qabel ma ssiġilla r-rebħa bil-punteġġ ta’ 7-6 (7-3), 6-4 3-6 7-6 (7-3) waqt li s-seed numru 17, il-Franċiż Gael Monfils għeleb lill-Arġentin Federico Coria 6-1 6-1 6-3.

Ir-Russu Aslan Karatsev kompla fuq ir-rebħa fis-Sydney International meta ssupera lill-Ispanjol Jaume Munar f’ħames sets, 3-6 7-6 (7-1) 6-7 (3-7) 6-4 6-4 f’konfront li ħa erba’ sigħat u 52 minuta.

Il-Pollakk seed numru 10, Hubert Hur­kacz, għeleb lil Egor Gesasimov 6-2 7-6 (7-3) 6-7 (5-7) 6-3 fi ftit iktar minn tliet sigħat.

L-Amerikan Sebastian Korda warrab għal kollox lill-Britanniku Cameron Norrie bil-punteġġ ta’ 6-3 6-3.

L-Ispanjol ta’ 18-il sena, Carlos Alcareaz, għeleb liċ-Ċilen li kkwalifika Alejandro Tabilo 6-2 6-2 6-3 waqt li l-wildcard Awstraljan Alensandar Vukic issorprenda lil Loyd Harris tal-Afrika t’Isfel 4-6 6-3 7-5 7-6 (7-3).

Il-Ġappuniża Naomi Osaka qalet li qed terġa’ tieħu pjaċir bit-tennis wara li ċ-champion renjanti ssuperat l-isfida diffiċli mhux mistennija tal-Kolumbjana Camila Osorio fl-ewwel round meta għelbitha 6-3 6-3.

Il-player numru wieħed, l-Awstraljana Ashleigh Barty ħadet inqas minn siegħa biex għaddiet għat-tieni round meta bdiet il-kampanja tagħha b’rebħa empatika ta’ 6-1 6-1 kontra l-player li kkwalifikat, Lesia Tsurenko u issa tilgħab kontra oħra li kkwalifikat.

Player lokali li sfat eliminata hija t-tfajla ta’ Berrettini, Ayla Tomljanovic, li tilfet kontra l-Ispanjola Paula Badosa 6-4 6-0 meta din kellha titħabat b’injury f’riġlejha.

Konfront kollu Amerikan ra lil Madison Keys tfajjar 15-il ace fi triqitha biex tegħleb liċ-champion tal-2020, Sofia Kenin 7-6 (7-2) 7-5.

L-ex champion tal-French Open, Jelena Ostapenko, irkuprat minn set minn taħt biex għelbet lis-Slovakka, Anna Karolina Schmiedlova, 6-7 (7-9) 6-4 6-1 u f’logħbiet oħra l-Amerikana Alison Riske għelbet lil Donna Bekic 6-2 6-2, iċ-Ċeka Barbora Krejcikova għelbet lil Andrea Petkovic 6-2 6-0 f’67 minuta nklużi 28 shots rebbieħa.

Iċ-champion darbtejn ta’ dan l-Open, Victoria Azarenka għelbet lil Panna Udvardy 6-3 6-1 għall-ewwel rebħa tagħha f’Melbourne f’sitt snin u Wang Giang għelbet lill-adoloxxenta Amerikana, Coco Gauff, 6-4 6-2.

Il-Griega Maria Sakkari laqgħet għall-isfida tard tal-Ġermaniża Tatjana Maria meta għebitha 6-4 7-6 (7-2).

Ekonomija

Sport