Saturday, December 21, 2024

Avukat jinsisti li George Floyd qatel lilu nnifsu

Aqra wkoll

Id-difiża ta’ Derrek Chauvin tgħid li l-pulizija ma kinitx il-kawża tal-qtil

Minn ANTHEA CACHIA

Ftit xhur ilu l-vidjow tal-aħħar nifs ta’ George Floyd ħasad lil bosta nies minn madwar id-dinja. Il-qtil tiegħu qajjem protesti sħaħ fl-Istati Uniti, l-akbar fl-Istorja Amerikana, li żgur mhux se jkunu qed jintesew. Dawn l-atti vjolenti fuq persuni ta’ karnaġġjon skur mhumiex l-ewwel darba li saru, b’mod partikolari fl-Istati Uniti, iżda tista’ tgħid li dan il-każ qanqal furur. 

Minkejja li Floyd jinstema’ jgħid, “ma nistax nieħu nifs”, il-pulizija Derrek Chauvin, ma waqafx milli juża saħħa kbira fuqu u fuq għonqu. Minkejja li Floyd kien taħt l-effetti ta’ żewġ tipi ta’ droga, bosta persuni saħqu li dak li sar kien tassew inaċċettabli għaliex kienet x’kienet il-kondotta tiegħu, il-mod kif inqatel kien wieħed krudili.

Fil-5 ta’ Ġunju, 10 t’ijiem wara l-qtil tiegħu, il-kunsill ta’ Mineappolis ivvota kontra l-użu ta’ dak li huwa magħruf bħala “neck restraint”, il-metodu użat minn Chauvin biex jinżamm taħt kontroll Floyd. Dan il-metodu huwa meta l-pulizija jużaw l-idejn jew sieq biex jitrażżan l-għonq. 

Madanakollu, l-avukat difensur għal Thomas Lane, wieħed mill-pulizija li kienu preżenti waqt il-qtil, Earl Gray, bħala parti mid-difiża tiegħu se jressaq il-fatt li Floyd miet kawża ta’ overdose permezz tal-użu ta’ fentanyl u kawża ta’ kundizzjoni tal-qalb, u fl-aħħar mill-aħħar, “hu qatel lilu nnifsu.”

L-avukat żied jgħid li, “huwa importanti li nuru li l-klijent tiegħi flimkien mal-pulizija oħra kienu qegħdin iwettqu dmirijiethom fuq il-post tax-xogħol”.

Fl-awtopsja jirriżulta li Floyd kien pożittiv għal SARS-CoV-2, jiġifieri l-virus li kkawża l-Covid-19. Ir-rapport juri wkoll li fis-sistema tiegħu kellu preżenti l-fentanyl u metamfetamina. Minkejja dan, l-awtopsja tgħid li ma kinux il-kawża tal-mewt tiegħu. 

L-istess rapport jgħid li miet kawża ta’ kompressjoni jew pressa fuq l-għonq. Minn awtopsja privata li għamlu l-familja ta’ Floyd, jidher li miet kawża ta’ “asfissja minn pressjoni” (asphyxiation from sustained pressure).

Carl Hart, newroxjentist fl-Università ta’ Colombia, jgħid li r-rispons uman għal drogi psikoattivi hija wisq komplessa biex tinħoloq konklużjoni bbażata biss minn livelli ta’ konċentrazzjonijiet tal-fentanyl, li jistgħu jiżdiedu wara l-mewt hekk kif id-drogi jitfarrku fil-ġisem.

“Li kieku l-pulizija ma tefax għarkupptejh fuq għonq George Floyd, huwa probabli li kieku llum il-ġurnata għadu ħaj”, qal Hart. 

Ekonomija

Sport