Malta esperjenzat avveniment rari nhar il-Ħadd meta wasal Avultun Abjad (Neophron percnopterus). Grazzi għall-kooperazzjoni bejn l-assoċjazzjoni Taljana CERM (Ċentru tat-Tajr tal-Priża fil-Periklu) u BirdLife Malta, il-movimenti tal-għasfur kienu segwiti permezz ta’ trasmettitur bis-satellita u mmonitorjati mill-qrib matul iż-żjara tiegħu.
Dan intqal fi stqarrija li ħarġet BirdLife Malta dwar l-Avultun Abjad li deher fuq pajjiżna.
Hugo, l-isem li tawh CERM, huwa wieħed minn żewġt ifrieħ li faqqsu din is-sena fiċ-ċentru tat-trobbija fil-magħluq fit-Toskana. Mrobbi fil-magħluq, Hugo huwa parti minn sforzi biex tissaħħaħ il-popolazzjoni selvaġġa dejjem tonqos ta’ wieħed mill-aktar għasafar tal-priża rari fl-Ewropa. L-ispeċi hija ikklassifikata fil-periklu li tinqered fil-Lista l-Ħamra tal-IUCN u fl-Italja għad fadal biss madwar għaxar koppji li jbejtu, il-maġġoranza tagħhom fi Sqallija.
Dehriet f’Malta huma rari ħafna u ġeneralment jinvolvu għasafar żgħar waqt l-ewwel passa tagħhom lejn l-Afrika. Għax huma rari, huma fil-mira ta’ kaċċaturi illegali u kolletturi ta’ għasafar ibbalzmati.
Żjarat preċedenti ta’ Avultuni Bojod minn CERM spiċċaw b’mod traġiku: fl-2021 Isabel għebet qrib l-irdumijiet ta’ Ħad-Dingli u huwa maħsub li x’aktarx li nqatlet, filwaqt li Tommy nqatel fl-2022 u t-trasmettitur tiegħu nstab aktar tard fuq ix-xtajta tal-Ġnejna.
Hugo beda jpassi fit-26 ta’ Awwissu minn nofsinhar tal-Italja. Huwa wasal Malta nhar il-Ħadd wara nofsinhar, tar minn fuq Marsaskala, Marsaxlokk u l-Buskett, fejn paxxa lil dawk li kienu qed josservaw l-għasafar. Dakinhar filgħaxija, mar jistrieħ fil-Victoria Lines, segwit minn tim konġunt ta’ BirdLife Malta u l-Malta Rangers Unit u mbagħad qagħdu għassa miegħu lejl sħiħ timijiet ta’ voluntiera.
Fil-jumejn ta’ wara Hugo pprova jkompli l-vjaġġ tiegħu darbtejn, darba saħansitra tar 25 km ‘l barra mill-kosta qabel ma kellu jirritorna minħabba r-riħ qawwi. Fl-aħħar waqaf fil-Park tal-Majjistral, fejn ġie provdut b’ikel supplimentari biex jgħinu jirkupra saħħtu.
Nhar it-Tlieta filgħodu Hugo reġa’ telaq, għadda minn l-iMtaħleb qabel ma qasam lejn Filfla għall-ħabta tal-11:30am. Din id-darba, ir-riħ kien favorih mill-Majjistral u għenu jkompli bil-vjaġġ tiegħu lejn il-kosta Afrikana.
Hugo issa mistenni jkompli l-ewwel passa tiegħu minn fuq id-deżert Alġerin u jibqa’ sejjer lejn in-naħa t’isfel tal-Afrika, fejn x’aktarx iqatta’ l-ewwel tliet snin qabel ma jirritorna lejn l-Ewropa u jibda jbejjet mis-sitt sena ta’ ħajtu ‘l quddiem.