Nawgura Milied it-tajjeb lill-qarreja ta’ IT-TORĊA kollha, lill-istaff u lill-ġurnalisti kbar li jagħmlu sagrifiċċji kbar biex aħna kuljum nirċievu informazzjoni dwar dak li qed jiġri madwarna, kemm f’Malta kif ukoll barra minn Malta. Kull xogħol għandu s-sagrifiċċji tiegħu u meta wieħed jiddedika ftit ħin biex jara xogħol partikolari mill-qrib, jinduna kemm kull professjoni titlob dedikazzjoni u impenn.
Il-ġurnalisti huma professjonisti kbar u responsabbli, professjoni li tista’ tiġi speċjalizzata f’diversi oqsma. Hemm min jirrapporta mill-qorti, min isegwi l-isports, min imur fuq il-postijiet tal-inċidenti u anke min imur fejn ikun hemm konflitt jew gwerer biex jagħti rapport f’ħin reali. Il-ġurnalisti jipprovdu informazzjoni vera u l-kredibilità tagħhom hija essenzjali. Huma jagħmlu xogħolhom b’mod professjonali mingħajr ma jallarmaw lin-nies jew jxandru aħbarijiet mhux verifikati. Grazzi kbira lil dawn il-ħaddiema li għandhom rwol fundamentali fis-soċjetà tagħna.
Illum il-ġurnata, ġurnalist jista’ jaħdem fuq midja stampata, radju jew televiżjoni. Qabel jasal sa dan il-livell, jgħaddi minn diversi stadji ta’ taħriġ u esperjenza. Jien m’inix ġurnalist, imma naf kemm dan ix-xogħol jeħtieġ dedikazzjoni u passjoni. Għal ħafna, ix-xogħol tagħhom huwa vokazzjoni, mhux biss impjieg.
Ringrazzjament lill-ħaddiema
Ma nistax ninjorahom ukoll il-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa: infermiera, tobba, paramediċi u staff tal-isptar, kif ukoll il-pulizija, is-suldati u dawk fis-settur tat-turiżmu. Dawn jagħtu servizz lill-pubbliku kuljum, spiss f’sħana jew xita, bla ma jirċievu ħin liberu regolari. Barra minnhom hemm il-ħaddiema fil-protezzjoni ċivili, nies fis-sigurtà u diversi professjonijiet oħra li jibqgħu għaddejjin biex iħaddmu s-soċjetà.
Il-politika wkoll teħtieġ dedikazzjoni bla waqfien. Il-Prim Ministru u l-membri tal-Parlament jibqgħu responsabbli għal dak kollu li jiġri anke waqt il-festi u l-vaganzi. Persuna pubblika m’għandhiex off; ir-responsabbiltà kbira tkompli anke meta tkun imsiefer.
Bħal dawn in-nies hemm ukoll il-bdiewa u r-raħħala. Ir-raħħal irid jieħu ħsieb il-bhejjem u l-proprjetà tiegħu kuljum, irrispettivament mid-data. Anke s-sajjieda għandhom orarju strett u jkunu fuq il-baħar, spiss mingħajr vaganza.
Ma nistax ninjorahom il-ħaddiema fil-Kleru li jagħtu servizz lis-soċjetà, inkluż qassisin, patrijiet, kapillani, arċipriti, monsinjuri, sorijiet u strutturi reliġjużi oħra. Huma jorganizzaw iċ-ċelebrazzjonijiet u jagħtu ħin u dedikazzjoni lill-komunità.
Waqt li aħna niddevertu… oħrajn jaħdmu
Ix-xufiera huma oħrajn li jagħmlu xogħol b’responsabbiltà kbira. Jifhmu li l-ħajja tal-oħrajn tiddependi fuqhom u għalhekk jibqgħu dixxiplinati, anke meta kulħadd qiegħed jixxala. L-istess japplika għall-ħaddiema fuq ajruplani u bastimenti li jagħmlu xogħol essenzjali minkejja l-iskedi stretti.
Dan kollu rrid nagħmlu riflessjoni dwaru waqt il-festi: ħafna minna qegħdin jiddevertu, imma mhux kulħadd jista’ jiddeverti minħabba natura tax-xogħol.
Min-naħa tiegħi rrid nagħmel appell speċjali għall-anzjani. Bħala ġerontoloġista kont espost għal ħafna letteratura u esperjenzi differenti li għenuni napprezza l-isforzi u s-sagrifiċċji tal-anzjani tagħna. Wieħed mill-iktar affarijiet li jweġġa’ persuna anzjana huwa li ma jkollhiex kuntatt ma’ wliedha. Nappella biex f’dawn il-festi nagħmlu sforz biex niżguraw li l-anzjani tagħna jħossu l-imħabba u r-rispett tagħna. Anke jekk xi wħud minnhom għandhom karattru diffiċli, ħajjithom tkun ferm aħjar jekk nistgħu ngħolluhom bil-preżenza u l-imħabba tagħna.
Jekk matul is-sena kellek xi ħadd li ħass li ma kontx hemm biżżejjed għalih jew għalha, issa huwa żmien ideali biex tgħaddi messaġġ jew tibgħatlu. Sempliċement għid “hello” u uri li qed taħseb fih.
Min-naħa tiegħi nawguralkom ħafna mħabba, saħħa, hena u kuntentizza. J’Alla jkollna Milied hieni mimli mħabba u paċi.

