Saturday, November 23, 2024

Awguri f’Jum l-Omm: Intervista ma’ Miriam Dalli u t-tfal tagħha

Aqra wkoll

Minn MARIA AZZOPARDI

Jum l-Omm huwa jum sinifikattiv fejn fih niċċelebraw persuna importanti u essenzjali fil-familja: l-omm. L-imħabba ta’ omm ma tmut qatt anzi tkompli tiżdied ma’ kull jum li jgħaddi. Imma kemm għadu rilevanti Jum l-Omm u kif dan inbidel minħabba l-imxija tal-Covid-19? Min-naħa l-oħra kif it-tfal iħarsu lejn il-figura tal-omm? Titkellem magħna l-MPE Miriam Dalli u t-tfal tagħha, Jack u Kane, iwieġbu wkoll il-mistoqsijiet tagħna.

Xi jfisser Jum l-Omm għalik u kif dan forsi nbidel minħabba l-imxija tal-Covid-19?

Jum l-Omm huwa l-jum li s-soltu nipprova nara li ngawdih m’ommi, imma din is-sena se tkun differenti. Pero naf li t-tfal vera eċċitati għal Jum l-Omm ta’ din is-sena u l-fatt li se nkunu flimkien bħala familja għalija biżżejjed. Wara kollox din hija ġurnata tal-familja flimkien.

Kif qed toħloq bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħin tiegħek bħala omm?

Bħall-ġenituri kollha li għandhom it-tfal, bħalissa qed nagħmel ħafna xogħol mid-dar. Imma qed niehu gost li qed ngħaddi ħafna ħin mat-tfal u qed nagħmlu ħafna affarijiet flimkien. Mhux l-ewwel darba li waqt xi video call tax-xogħol, jiġu t-tfal biex jaraw ma’ min qed nitkellem. Ma niddejjaq xejn għax min jagħmel meetings miegħi jaf li għandi t-tfal d-dar u bħal ħafna ġenituri oħra nkunu qed nipprova nlaħħaq max-xogħol tiegħi u max-xogħol tal-iskola tat-tfal. It-tfal tiegħi għadhom żgħar, ġieli jkunu bilqegħda ħdejja qed jagħmlu l-homework jew qed ipinġu waqt li qed nkun għaddejja b’xi negozjati relatati max-xogħol tiegħi fil-Parlament Ewropew. Il-bilanċ reali iżda jintlaħaq bl-għajnuna tar-raġel tiegħi John, li jgħinni ħafna biex nibbilanċja l-affarijiet. 

X’messaġġ tixtieq tgħaddi lil dawk l-ommijiet, b’mod speċjali dawk vulnerabbli, li bħalissa ma jistgħux jiltaqgħu mat-tfal tagħhom u forsi jħossuhom iżolati f’dan il-mument straordinarju li qed ngħixu?

Huwa diffiċli ssib il-kliem ta’ wens f’dawn is-sitwazzjonijiet. Inħares lejn in-nanniet ta’ Jack u Kane u naf kemm qed iħossu n-nuqqas tagħhom f’dawn iż-żminijiet. Anke jien inħoss in-nuqqas li ma nistax inkun fiżikament ħdejn il-mamà tiegħi. Ngħidilhom, għamlu kuraġġ u jżommu sodi għaliex kollox jgħaddi. Għall-imħabba tal-omm, ma hemmx età. Li ngħid żgur lill-ommijiet u n-nanniet huwa li intom dejjem f’qalbna u f’qalb in-neputijiet.

Mistoqsijiet għat-tfal: Xi tfisser il-mamà għalik? 

Jack: Il-mamà tfisser imħabba u jien inħobbha ħafna. 

Kane: Il-mamà tħobbni ħafna u tgħannaqni, tbusni u tgħarraxni ħafna.

Semmi tliet affarijiet sbieħ li tara fil-mama tiegħek:

Jack: Li tħobbni ħafna, tgħini fl-iskola u tieħu ħsiebi 

Kane: Tagħmel kejkijiet tajbin, iġagħlni nidħak ħafna u taqrali stejjer tad-daħk

Xi tħobbu tagħmlu flimkien?

Jack: Immorru bir-rota flimkien u nagħmlu l-exercises flimkien

Kane: Nagħmlu l-gingerbread man u l-coconut balls

Sport