Saturday, December 28, 2024

Awguri f’Jum l-Omm: Intervista ma’ Romina Grech Fenech u t-tifla tagħha Pippa

Aqra wkoll

Minn MARIA AZZOPARDI

Jum l-Omm huwa jum sinifikattiv fejn fih niċċelebraw persuna importanti u essenzjali fil-familja: l-omm. L-imħabba ta’ omm ma tmut qatt anzi tkompli tiżdied ma’ kull jum li jgħaddi. Imma kemm għadu rilevanti Jum l-Omm u kif dan inbidel minħabba l-imxija tal-Covid-19? Min-naħa l-oħra kif it-tfal iħarsu lejn il-figura tal-omm? Titkellem magħna l-Kap Eżekuttiv ta’ Sterling Group Romina Grech Fenech u bintha Pippa twieġeb għall-mistoqsijiet tagħna.

Xi jfisser Jum l-Omm għalik u kif dan forsi nbidel minħabba l-imxija tal-Covid-19?

Jum l-Omm huwa jum importanti ħafna għalija għax fih niċċelebra żewġ affarijiet: lill-ommi u l-fatt li jien omm. Ommi hija persuna importanti ħafna fl-istruttura tal-familja tagħna u hija s-sinsla tal-familja tagħna. Nammetti li jien differenti ħafna minn ommi imma nirrispetta l-valuri li qassmet miegħi.

Jiena omm ta’ żewġt itfal: Zak, li għandu 17-il sena, u Pippa li għandha 9 snin. It-tnejn li huma jagħmlu Jum l-Omm speċjali għalija u nkun ħerqana biex nqatta’ l-ġurnata magħhom. Normalment inqattgħu dan il-Jum speċjali mal-familja kollha imma din is-sena minħabba s-sitwazzjoni tal-Covid-19 se nkunu aħna biss.

Nistqarr li Covid-19 ħalla effettt u biddel xi ftit Jum l-Omm. Dan għaliex dan il-Jum huwa importanti ħafna għalija li naħdmu fis-settur tal-ġojjelli fejn ġeneralment inkunu qed inħejju prodotti u offerti speċjali għal din l-okkażjoni sabiħa. Din is-sena ġara kollox fl-aħħar minuta peress li ċertu ħwienet setgħu mill-ġdid jiftħu minn nhar it-Tnejn u kienet diġà l-ġimgħa fejn fiha jiġi ċċelebrat Jum l-Omm. Madanakollu, ħafna nies għamlu l-ordnijiet tagħhom online. Ninsab ċerta li xorta waħda nistgħu npoġġu tbissima fuq wiċċ kull omm.

Kif qed toħloq bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħin tiegħel bħala omm?

Din kienet l-ewwel darba li rnexxieli nqatta’ xahar sħiħ id-dar mat-tfal tiegħi. Kienet ħajja differenti għalija u nammetti li kont qed nidraha. Bdejna rutina kompletament ġdida. Kont qed immur mixjiet twal ma’ Zak u kont insajjar ma’ Pippa. Għamilna ħafna affarijiet flimkien u ħadt gost nara lil Pippa waqt is-sezzjonijiet online tal-iskola li kienet qed tagħmel mid-dar. Mit-Tnejn il-ħajja tiegħi nbidlet mill-ġdid hekk kif ninsab lura naħdem full-time. Għandi ħafna għajnuna u nipprova norganizza kollox biex inżomm lil kulħadd kuntent. Il-weekend huma biss għalina fejn inkunu nistgħu ngawdu l-kumpanija ta’ xulxin.

X’messaġġ tixtieq tgħaddi lil dawk l-ommijiet, b’mod specjali dawk vulnerabbli, li bħalissa ma jistgħux jiltaqgħu mat-tfal tagħhom u forsi jhossuhom iżolati f’dan il-mument straordinarju li qed nghixu fil-preżent?

Għamlu kuraġġ. Dan iż-żmien daqt jgħaddi u nerġgħu nibdew ingawdu lil xulxin. Din hija sitwazzjoni ta’ bosta pajjiżi oħra. Għad jerġa’ jiġi żmien sabiħ.

Mistoqsija għal Pippa:

Xi tfisser il-mama għalik? Xi tħobbu tagħmlu flimkien?

Pippa: Il-Mama tiegħi hija vera speċjali u taħdem ħafna. Inħobb li flimkien insiefru, noħorġu u joġgħobni x-xogħol tagħha.

Ekonomija

Sport