Wednesday, March 27, 2024

AWSTERITÀ U SAĦĦA

Aqra wkoll

Miktub Minn ALFRED SANT

Konklużjoni li qed tinstema’ ta’ spiss tgħid hekk: Matul is-snin li għaddew mill-kriżi finanzjarja tal-2008/2010, il-priorità kienet biex il-gvernijiet jibbilanċjaw il-kotba. Riedu jnaqqsu l-ispejjeż. Fost l-aktar oqsma li ngħataw kemm-il żabra fl-Ewropa u fl-Istati Uniti, insibu l-oqsma soċjali… fosthom is-saħħa.

Mhux ta’ b’xejn li ħafna sistemi ta’ saħħa saru jiddependu bil-kbir minn personnel mediku importat minn pajjiżi barranin, l-aktar tat-Tielet Dinja. Imħarreġ tajjeb u dedikat f’ħidmietu, dan il-personnel kien lest jaħdem b’pagi relattivament baxxi, ħaġa li daħlet tajjeb mal-għan li kemm jista’ jkun jitwettqu ekonomiji fit-tmexxija statali.

Biss, it-tnaqqis fl-ispiża baqa’ jinħass, speċjalment b’investimenti anqas qawwija f’tagħmir mediku u fl-għadd ta’ personnel mediku.

F’termini ta’ “effiċjenza”, l-awsterità dehret li tat riżultati tajba. Sakemm faqqgħet l-imxija. M’hemmx dubju li mal-Ewropa is-sistemi ta’ saħħa publika tpoġġew taħt pressjoni qawwija wisq meta ġew biex jilqgħu għall-coronavirus.

Il-prezz tal-awsterità hu ħafna akbar milli konna naħsbu. 

LURA GĦAN-“NORMAL”?

Interessanti l-previżjonijiet li qed isiru dwar kif wara li nkunu rbaħna lill-imxija tal-coronavirus, il-ħajja mhux se tkun baqgħet bħal qabel; mhux se mmorru lura għan-“normal”.

Imma xinhu n-normal?

Matul ħajti, li issa twalet sew, rajt ħafna bidliet li anke jekk forsi ma kinux qawwija daqs dawn li ġabet magħha l-imxija, xorta kienu radikali. Pereżempju, għall-bidu nett, vagament niftakar żmien fejn in-nies kienet tixtri affarijet essenzjali bir-“ration”, hekk kien jissejjaħ: bi ktieb irreġistrat li minnu kont tingħata bi ħlas baxx dak li kellek bżonn biex tgħix.

Kien hemm iż-żmien fejn id-daħla baħar f’Tas-Sliema kienet tkun mimlija frejgati Ingliżi, bil-gawwi jħuf ma’ kullimkien u l-baħrin riesqa fid-dgħajjes għal divertiment fuq l-art.

Kien hemm iż-żmien meta n-normali kien stennija twila qabel jista’ jkollok telefown u l-kumnikazzjoni mal-għeżież tiegħek barra l-pajjiż issir l-aktar b’ittri mħarbxa.

In-“normali” jiċċaqlaq b’ħeffa, mhux daqstant minn ġenerazzjoni għal oħra: ta’ spiss, minn sena għal sena.

ILJUNI 

Daqskemm tara ritratti ta’ żminijietna llum li jħassbuk, biex ma ngħidx ibikkuk, tara wkoll – biex inkunu għedna kollox – ritratti oħra li jqanqlu tbissima, għax anke jagħtu perspettiva differenti fuq id-dinja tagħna.

Fost tal-aħħar, li tassew għoġobni riċentement, kien ritratt ta’ grupp ta’ ljuni li ddeċidew li jieħdu flimkien is-sjesta tagħhom f’nofs triq.

It-triq tgħaddi mir-riżerva Kruger fl-Afrika ta’ Isfel. Is-soltu minnha jgħaddu ħafna karozzi. Minħabba l-imxija, l-park ingħalaq. It-traffiku waqaf għal kollox. 

  L-iljuni sabu l-opportunità f’dil-biċċa biex jitgħażżnu ftit. Iġagħluna nifhmu kif minkejja kull ma naħsbu, id-dinja mhijiex tagħna l-bnedmin biss.  

Ekonomija

Sport