Awstraljan ta’ 77 sena tilef ħajtu wara li safa attakkat minn kangarù li kien iżommu bħala annimal domestiku.
Kienu qraba tal-vittma sabuh fid-dar tiegħu isofri minn ġrieħi serji, u hekk kif il-paramediċi waslu fuq il-post fl-istess kangarù ma ħallihomx jersqu lejn il-vittma biex ikunu jistgħu jgħinuh. Kawża ta’ dan, sfortuntament il-pulizija kellhom jisparaw fuq il-kangarù u qatluh filwaqt li r-raġel miet fuq il-post.
Attakki bħal dawn minn kangarus huma rari, tant li dan kien l-ewwel każ tax-xorta tiegħu ġewwa l-Awstralja mill-1936 ’il hawn.
Esperti li tkellmu ma’ midja internazzjonali qalu li l-kangarus jistgħu jikbru sa żewġ metri u jiżnu madwar 90 kilo. Huma tennew li dawn għandhom “ħafna armi” li jużaw – bħal snienhom u riġlejhom – u kapaċi jkunu perikolużi ħafna jekk iħossuhom mhedda.