FʼAwwissu 2025, l-għadd sħiħ tat-turisti li daħlu Malta kien stmat li laħaq l-470,643, żieda taʼ 11.5 fil-mija meta mqabbel maʼ sena qabel.
Dan ħareġ minn statistika li ġiet ippubblikat mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO).
F’Awwissu li għadda, 450,599 turist żaru Malta għal btala, mentri 11,039 turist ġew Malta għal raġunijiet taʼ xogħol. L-akbar għadd taʼ turisti kellhom bejn iż-0 u l-24 sena – 37.1%; warajhom kien hemm dawk fl-età taʼ bejn il-25 u l-44 sena – 34.2%.
Residenti mill-Italja, ir-Renju Unit, u Franza kienu jammontaw għal 48.5% tat-turisti kollha li waslu Malta.
Fir-rapport ippubblikat mill-NSO jgħid li meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena taʼ qabel, l-għadd sħiħ tal-iljieli mqattgħin Malta telaʼ bʼ10.5%, u laħaq it-3.5 miljun lejl. Il-biċċa l-kbira taʼ dawn l-iljieli – 86.1%kienu mqattgħin fi stabbilimenti taʼ akkomodazzjoni mikrija. It-tul medju taʼ dawn iż-żjajjar kien jammonta għal 7.4 ljieli.
FʼAwwissu 2025, in-nefqa totali tat-turisti laħqet l-€547.6 miljun, li hija żieda taʼ 15.0% fuq l-istess xahar sena qabel. L-infiq medju kull lejl kien stmat li jammonta għal €158.3.
It-turisti li żaru Għawdex u Kemmuna, kemm dawk li qagħdu għal ġurnata kif ukoll dawk li raqdu hemm, ammontaw għal 326,196, jew 69.3% tat-turisti kollha.
L-istess rapport tal-NSO jagħti ħarsa lejn it-turisti li żaru pajjiżna bejn Jannar u Awwissu ta’ din is-sena.
Fl-ewwel tmien xhur tal-2025, 2,681,635 turist wasal Malta, żieda taʼ 12.0% fuq l-2024. In-numru tal-iljieli mqattgħin telaʼ bʼ10.4% u bʼhekk laħaq 16.9-il miljun lejl.
L-infiq sħiħ mit-turisti kien stmat li laħaq l-€2,564.0 miljun, 18.2% ogħla minn dak li kien irreġistrat fl-istess perjodu tal-2024. L-infiq kollu ras għal ras tela’ għal €956 mid-€906 li kienu stmat fl-2024.
It-turisti li żaru Għawdex u Kemmuna, kemm dawk li qagħdu għal ġurnata kif ukoll dawk li raqdu hemm, ammontaw għal 1,577,212, jew 58.8% tat-turisti kollha.