Tuesday, December 24, 2024

Awwissu kien aktar xemxi mis-soltu

Aqra wkoll

Il-ħarifa meterjoloġika ġabet magħha temp imsaħħab u l-ewwel ħalbiet tax-xita, wara sajf xott u qalil li matulu t-temperatura tal-arja medja kienet 2°C ogħla min-norma staġjonali kkalkulata bejn l-1981 u l-2010.

Filwaqt li l-imwieġ tas-sħana jkunu mistennijin matul ix-xhur tas-sajf, l-ewwel mewġa tas-sħana tas-sajf li għadda, li damet 12-il jum bejn it-tieni nofs ta’ Ġunju u l-bidu ta’ Lulju, żgur li ħafna se jibqgħu jiftakruha bħala waħda mill-itwal.

It-tieni mewġa ta’ sħana li laqtet lill-gżejjer Maltin, bejn l-aħħar ta’ Lulju u l-bidu ta’ Awwissu, damet erbat ijiem u b’hekk kienet kumparabbli mat-tul tal-erbat imwieġ tas-sħana l-oħrajn (Ġunju 2019, Ġunju 2017, Ġunju 2013 u Ġunju 2012) li ġew esperjenzati f’dawn l-aħħar 10 snin. 

L-ogħla temperatura tas-sajf li għadda ntlaħqet lejn il-bidu tal-istaġun, hekk kif f’Ġunju l-merkurju mmarka 41.5°C u b’hekk ġie stabbilit rekord ġdid għall-aktar temperatura sħuna għax-xahar sa mill-1923 ‘l hawn. Qabel intlaħaq dan ir-rekord, l-aktar temperatura sħuna għax-xahar kienet ta’ 37.8°, irreġistrata f’Ġunju 2019.

It-temperatura tal-arja massimi ta’ Lulju u Awwissu ta’ 38°C u 40.6°C kienu aktar baxxi mill-ogħla temperatura ta’ Ġunju. Filwaqt li t-tliet xhur tas-sajf kollha kellhom għadd ta’ jiem li fihom in-norma klimatika għax-xahar inqabżet, bi 23 jum li kien aktar sħun min-norma u temperatura massima medja ta’ 33.8°C, Awwissu kien l-aktar xahar sħun tal-istaġun. L-aktar temperatura baxxa għall-istaġun kienet ta’ 17.6% u ntlaħqet f’Ġunju.

Temperaturi sħan tal-arja u l-baħar kienu akkumpanjati minn ftit aktar minn 1,000 siegħa xemxin. Filwaqt li s-sigħat xemxin ta’ Lulju żammew man-norma klimatika, f’Ġunju ġew irreġistrati 34 siegħa xemxin inqas mill-kwota għax-xahar, prinċipalment minħabba l-preżenza ta’ trab sospiż fl-arja u sħab f’livell għoli f’diversi okkażjonijiet.

Min-naħa l-oħra, Awwissu kien aktar xemxi milli mistenni u matulu mn-norma ta’ 335.3 siegħa xemxin insebqet b’7.6 sigħat. F’Awwissu, fil-fatt, is-sema kien inqas imsaħħab min-norma, bix-xahar jirreġistra kopertura medja ts-sħab ta’ 0.8 oktas minflok dik mistennija ta’ 1.2 oktas.

L-istaġun tas-sajf kien ikkaratterizzat minn nuqqas ta’ xita. Waqt li f’Lulju ma għamlitx xita, Ġunju u Awwissu pproduċew 0.8 mm xita kull wieħed, li kienu inqas min-norma. 

Ekonomija

Sport