Thursday, July 25, 2024

Azzjoni diretta mill-Awtorità tal-Ippjanar sabiex jtneħħa scrapyard illegali fix-Xewkija

Aqra wkoll

Art kbira agrikola fil-periferija tal-konfini taż-żona ta’ żvilupp fix-Xewkija, li matul is-snin ġiet ikkonvertita illegalment fi scrapyard qiegħda titnaddaf mill-Awtorità tal-Ippjanar permezz ta’ operazzjoni ta’ azzjoni diretta li bdiet kmieni il-Ħamis filgħodu.

Fuq il-post marru uffiċjali mid-Direttorat tal-Konformità u Infurzar tal-Awtorità, akkumpanjati minn membri tal-Korp tal-Pulizija. Dan hekk kif sid is-sit ingħata diversi twissijiet sabiex jimxi mal-infurzar sabiex iżomm is-sit nadif. 

L-iscrapyard illegali, li tkopri ’l fuq minn 25,000 metru kwadru ta’ art li tinsab fiż-żona magħrufa bħala Tal-Ħniena, hija soġġetta għal żewġ avviżi ta’ infurzar, li wieħed minnhom iġorr piena ta’ kuljum li laħqet l-ammont ta’ €50,000.

Matul is-snin, l-art agrikola nbidlet b’mod abbużiv fi scrapyard magħmula minn vetturi mkissrin u partijiet relatati. It-trakkijiet bil-materjal li nġabar bdew jinġarru u ser jiġu trasferiti f’faċilitajiet liċenzjati għal l-immaniġġjar tal-iskart.

L-operazzjoni li qed issir mill-Awtorità ser tara li s-sit jitnaddaf għal kollox mill-materjal mormi illegalment, u li l-art tirritorna għall-istat oriġinali tagħha. L-azzjoni diretta qiegħda titwettaq bi spejjeż kollha għal persuna li wettqet l-iżvilupp illegali.

L-Awtorità tal-Ippjanar fakkret lill-pubbliku li vetturi dilapidati u skart ieħor simili għandhom jintremew biss b’mod responsabbli ġo faċilitajiet ta’ skart liċenzjati.

Ekonomija

Sport