Sunday, November 10, 2024

AZZJONI FUQ L-GĦOLI TAL-ĦAJJA

Aqra wkoll

Iż-żieda fil-prezzijiet hu fuq fomm kulħadd. Żieda fil-prezzijiet li hi mifruxa f’kull settur. Mhix żieda biss li qed taffettwa prodotti tal-ikel jew prodotti ġejjin minn żona ta’ gwerra.  Hi għoli tal-ħajja li qed taffettwa kollox minn prodotti tal-ikel, apparat domestiku, tagħmir ieħor, materja prima, trasport, u l-prezzijiet tas-servizzi. Tista’ tgħid li m’hawnx settur li fl-aħħar xhur ma rax xi żieda fil-prezzijiet. 

Żidiet li qed jaffettwaw lil kulħadd. Żidiet li qed iħallu impatt negattiv qawwi b’mod partikolari fuq persuni bi dħul baxx u l-anzjani tagħna. 

Ma jonqsux l-ilmenti tal-konsumaturi. Spiss qegħdin naraw konsumaturi iqabblu l-prezzijiet tar-ristoranti. Oħrajn iqabblu l-prezzijiet ta’ prodotti li jkunu xtraw minn ħwienet differenti. Hemm min iqabbel prezz ta’ apparat domestiku li xtrah sena ilu ma kemm hu llum.

Ovvjament ħafna konsumaturi ftit jagħmlu differenza fuq il-fatt li f’pajjiżna hawn suq ħieles. Ħafna qegħdin jitkellmu fuq kontrolli. Min isemmi kontrolli mod u min ieħor. Ftit hawn għarfien f’pajjiżna li f’suq ħieles il-prezzijiet ma jistgħux jiġu kkontrollati.  Hu fejn ikun hemm abbuż minn kumpaniji dominanti fis-settur tagħhom fejn l-awtoritajiet kompetenti għandhom rwol li jintervjenu.

Dan iżda ma jfissirx li quddiem is-sitwazzjoni tal-għoli tal-ħajja, taż-żieda fil-prezzijiet ma jista’ jsir xejn. L-aqwa arma tinsab f’idejn il-konsumatur. Li jagħżel li jixtri minn fejn hemm prezzijiet raġonevoli. Li jixtri minn fejn il-prezzijiet huma l-aħjar għalih u għal but tiegħu.  M’hemm ebda dubju li meta konsumaturi jwarrbu negozji jew prodotti għax ikunu splodew fil-prezz, dak l-istess sid ta’ ħanut kif tonqoslu d-domanda għax-xiri irid hu stess jara x’se jagħmel.

Hemm ukoll soluzzjonijiet oħra li jaħdmu bħal dik li qed tipproponi l-Għaqda ta-Konsumaturi. Għax ngħiduha kif inhi, mhix prattika li persuni vulnerabbli u anzjani joqogħdu jiġru minn ħanut għal ieħor, b’mod partikolari f’dawn it-temperaturi. Mhux vijabbli lanqas għalihom minħabba kwistjoni ta’ saħħa, li joqogħdu jiġru minn ħanut għal ieħor jew minn raħal għal ieħor jaraw min hu l-irħas. Lanqas hi vijabbli li biex wieħed imur jiekol darba f’ġimgħa f’ristorant, joqgħod iqabbel il-prezzijiet li jkunu fuq barra tar-ristoranti. 

Nemmnu li għalhekk dak li qed tipproponi l-Għaqda tal-Konsumaturi, jiġifieri li jixxandru l-prezzijiet, hi proposta li tagħmel sens. Il-konsumaturi jkunu jistgħu iqabblu mingħajr ma jitilfu ħin u mingħajr ma jagħmlu skariġġ żejjed. 

L-Għaqda tal-Konsumaturi qed tippretendi li  l-Awtorità mwaqqfa biex tgħin il-konsumaturi, kull m’għandha tagħmel hu li xxandar il-prezzijet li tiġbor. Li trid tippubblika hu l-isem tal-prodott, il-prezz, l-isem tal-ħanut u lokalità.

Fejn jidħlu ir-ristoranti, l-għaqda qed tgħid li f’dan il-qasam il-klassifika trid tkun maqsuma skont il-livell tar-restorant kif stabbilit mill-Awtorità tat-Turiżmu. 

L-awtoritajiet iridu iżommu f’moħħu li l-għoli tal-ħajja jaffettwa l-kwalità tal-ħajja. Jaffettwaha b’mod negattiv. Fuq kollox jekk tiġi affettwata id-domanda domestika se jkunu affettwat ukoll id-dħul tal-gvern.  L-istennija ta’ bħalissa, mil-familja tagħna, hi fuq l-azzjoni li għandha tittieħed dwar dan il-fenomenu li qed jaffettwa lid-dinja kollha.

Sport