Sunday, December 22, 2024

Azzjoni immedjata ssalva l-ħajja ta’ sewwieq li tah attakk tal-qalb fl-Ingilterra

Aqra wkoll

Azzjoni immedjata minn għalliem tal-­arti marzjali wasslet biex tiġi salvata l-ħajja ta’ sewwieq li tah attakk tal-qalb waqt li kien qed isuq il-karozza tiegħu. B’hekk ukoll huwa rnexxielu jevita inċident ikrah fuq awtostrada fl-Ingilterra.

L-għalliem, John Barlow ta’ 59 sena irrakkonta l-mument tal-biża’ li fih waqqaf karozza milli tidħol fi triq traffikuża wara li s-sewwieq tagħha sofra l-attakk tal-qalb.

Il-vettura li kienet għaddejja bla kontroll dehret tersaq lejn il-korsiji tal-awtostrada M62 qrib Leeds fl-Ingilterra waqt li s-sewwieq minn mitluf minn sensih.

John Barlow lemaħ il-­karozza bis-sewwieq mitluq għal fuq l-isteering u saq il-karozza tiegħu għal maġenbha wara li nduna li s-sewwieq kien fl-inkwiet.

Qal li dak il-ħin ħaseb li r-raġel kien mejjet u kien għalhekk li minnufih iddeċieda li jaġixxi biex jevita li xi nies oħra jisfaw korruti.

Huwa rnexxielu jwaqqaf il-karozza billi ħabat magħha bil-karozza tiegħu u b’hekk waqqafha b’mod ikkontrollat.

Meta tkellem dwar din l-esperjenza, John Barlow, minn Middleton ħdejn Manchester qal li s-sewwieq tal-karozza deher mejjet fuq l-isteering u kellu xufftejh koħol u demm nieżel minn wiċċu.

Huwa kompla jfisser li dak il-ħin deherlu li kellu jsuq għal quddiem il-karozza li kienet għaddejja bla kontroll u b’hekk seta’ jwaqqafha filwaqt li nies oħrajn waqfu biex jgħinu, inkluż tabib li nzerta għaddej fuq l-istess rotta. Fil-ħin li ġara dan kollu, Barlow kellu fil-karozza miegħu lil martu u lil ibnu ta’ seba’ snin, u kienu fi triqthom biex jieħdu ferħ ta’ qattus għand il-veterinarju.

Għal dak li wettaq u għall-azzjoni mmedjata tie­għu Barlow ingħata ringrazzjament mill-Pulizija ta’ West Yorkshire u ġie infurmat li r-raġel kien ħareġ mill-isptar u kien qed jirkupra sew.

Barlow qal li jittama li jiltaqa’ mar-raġel fil-futur biex jeħodlu b’idejh u jgħannqu miegħu.

Ekonomija

Sport