Saturday, December 14, 2024

“Azzjonijiet industrijali f’dan l-istadju mhumiex ġusti mal-istudenti u l-ġenituri”

Il-gvern jikkonferma li t-Tnejn hemm laqgħa ta' konċiljazzjoni

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Gvern huwa impenjat li b’rieda tajba jkompli n-negozjati għall-ftehim kollettiv tal-edukaturi, tant li hemm laqgħa ta’ konċiljazzjoni skedata għal nhar it-Tnejn li ġej. Ikkonferma dan il-Ministeru għall-Edukazzjoni b’rabta man-negozjati għal ftehim kollettiv tal-edukaturi.

Dan wara li l-Union tal-Għalliema (MUT) iddikjarat li kienet se tkun qiegħda tavża lill-membri fl-iskejjel tal-Istat u tal-Knisja dwar azzjonijiet industrijali li se jidħlu fis-seħħ minn nhar it-Tnejn 13 ta’ Novembru li jinkludu strajk ta’ ġurnata għall-edukaturi kollha fl-iskejjel tal-Istat u tal-Knisja t-Tnejn 27 ta’ Novembru.

Fi stqarrija maħruġa l-MUT qalet li n-negozjati mal-gvern dwar il-pakkett finanzjarju tal-ftehim settorali ġdid għall-edukaturi fallew wara li ma ntlaħaqx qbil fi żmien disa’ xhur ta’ taħditiet. 

L-MUT żiedet tgħid li la hi u lanqas l-edukaturi ma nesew dak li wiegħed il-gvern qabel u wara l-elezzjoni li għaddiet. Kompliet biex tiċċara li l-MUT ingħatat żewġ proposti finanzjarji mill-gvern iżda dawn ġew irrifjutati immedjatament, għax l-MUT rat li dak li kien propost ma jirrikonoxxi l-edukaturi. Żiedet tgħid li stenniet li l-gvern kellu javviċinaha bi proposta riveduta, iżda minflok dan ħassar il-laqgħat li kien hemm skedati.

“L-edukaturi qed jagħmlu d-doppju tax-xogħol li kien isir sa ftit snin ilu, grazzi wkoll għal riformi li ma jiqfux, klassijiet ippakkjati b’livelli differenti, l-isfidi marbuta maż-żieda fil-popolazzjoni, assessjar kontinwu u nuqqas ta’ riżorsi fost l-oħrajn”, kompliet l-MUT.

L-union tal-għalliema temmet tgħid li żmien l-istennija issa wasal fi tmiemu u li l-gvern għandu żewġ għażliet quddiemu – li jimxi mal-assigurazzjonijiet li ta qabel u wara l-elezzjoni li jtejjeb sostanzjalment il-pakkett finanzjarju u l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema jew li ma jagħmilx dan u jsib lill-MUT b’azzjonijiet industrijali bla preċedent.

Il-Ministeru minn naħa tiegħu qal li huwa jqis li l-azzjonijiet imħabbra f’dan l-istadju mill-MUT bħala azzjonijiet li mhumiex f’lokhom.

Żied jgħid ukoll li mhuwiex ġust la fil-konfront tal-istudenti u lanqas tal-familji tagħhom illi, meta għaddejjin diskussjonijiet, jittieħdu l-azzjonijiet industrijali li tħabbru.

Il-Ministeru tenna l-apprezzament tiegħu għax-xogħol tal-edukaturi kollha u huwa f’dan l-ispirtu li fit-taħditiet tal-ftehim kollettiv qed ifittex li jtejjeb il-kundizzjonijiet tagħhom.

Ekonomija

Sport