Tuesday, July 22, 2025

Badminton: Bidu Pozittiv għal Team Malta f’Skopje

Aqra wkoll

Team Malta kellu bidu b’saħħtu fil-European Youth Olympic Festival b’wirjiet tajbin mill-atleti li ġarrew tal-bandiera Maltija fiċ-ċerimonja tal-ftuh,  Thea Parnis Coleiro (Atletika) u Jeremy Gatt (Badminton) fl-ewwel jum tal-kompetizzjoni.

Fl-atletika, Thea Parnis Coleiro ħadet sehem fil-heats tal-100m tan-nisa. B’ħin ta’ 12:06 hija rnexxielha tgħaddi għas-semi finali, li saret aktar tard filgħaxija. Għalkemm fis-semi finali irnexxielha ittejjeb il-ħin tagħha għal 11:91, dan ma kienx biżżejjed biex tgħaddi għar-round finali.

Fil-badminton, Jeremy Gatt lagħab fi Grupp 3 tal-istadju tal-logħob fi gruppi, fejn ta’ prestazzjoni determinata kontra Samuel Fodor mis-Slovakkja.

Wara li tilef l-ewwel set b’mod minimu 22-24, Gatt reġa’ lura b’saħħtu u rebaħ iż-żewġ sets ta’ wara 21-17, 21-17, biex kiseb rebħa diffiċli iżda mistħoqqa. Aktar tard filgħaxija, Gatt affaċċja lill-Daniż Maxi Kaufmann. Id-Danimarka, magħrufa għas-saħħa tagħha fil-badminton, rat lil Gatt jitħabat kontra Kaufmann li kien għadu ma tilef ebda logħba. Gatt temm il-ġurnata b’telfa ta’ 2-0 (21-13, 21-10)  u fit-tielet post fil-klassifika tal-Grupp tiegħu.

Jeremy Gatt se jkun fl-azzjoni għal darb’oħra għada, it-Tlieta 22 ta’ Lulju meta jiltaqa’ ma’ Deeptanshu TOKA (NOR) fis-1300hrs u ma’ Zisis PEGIOS (GRE) fis-1700hrs.

Il-logħbiet kollha qed jixxandru live fuq https://eoctv.org/live/

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport