Tuesday, November 26, 2024

Badminton: Francesca Clark tispiċċa fit-tielet post fl-U17 Portugal Open

Aqra wkoll

Francesca Clark, flimkien ma’ Patrick Cassar, li huwa wieħed mill-coaches tal-Akkademja Nazzjonali tal-Badminton marru il-Portugal il-ġimgħa li għaddiet biex Francesca tieħu sehem fl-Open tal-Portugal ta’ taħt is-sbatax-il sena. Francesca irnexxiela tagħmilha sas-semi finali tad-Doubles tat–tfajliet flimkien mas-sieħba tagħha, il-Portugiża Jessica Almeida. Huma kellhom ibaxxu rashom biss għall-ewwel seeds.

Fl-ewwel logħba tagħhom, Francesca u Jessica rebħu rebħa konvinċenti kontra l-Portugiżi Mafalda Avellino u Anastasia Iurkova bl-iskor ta’ 21-6, 21-6. Wara l-ewwel rebħa, Francesca u Jessica komplew il-mixja pożittiva tagħhom meta għelbu lil Beatriz Araujo u Leonor Silva 21-8, 21-10. Fis-semi finali imbgħad, Clark u Almeida ma rnexxilhomx jagħmluha għal finali u tilfu kontra l-ewwel seeds Carolina Mendes u Marta Sousa 7-21, 12-21. Mendes u Sousa finalment tilfu il-finali kontra Carina Huang u Ella Mak mill-Malasja.

Fil-kategorija tas-Singles, Francesca mill-ewwel kellha logħba diffiċli kontra Maria Wilkinson u tilfet 11-21, 2-21. Wilkinson kompliet biex waslet sal-kwarti tal-finali fejn tilfet bi tliet games kontra il-Belġjana Amber Boonen, li kienet it-tieni seed.

Kienet kompetizzjoni pożitivva għal Francesca, li għalkemm għad għanda 16-il sena diġa rebħet titli nazzjonali kif ukoll riżultati pożittivi internazzjonalment. Francesca kienet studenta fl-Iskola Nazzjonali tal-Isport u timmira li tikseb iktar riżultati pożittivi fil-karriera tagħha.

Sport