Saturday, December 21, 2024

BAĠIT 2021: Infrastruttura .. żewġ proġetti kbar jitlestew matul is-sena

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Gvern se jkompli jibni u jirranġa toroq arterjali fejn se jitlestew is-Central Link Project u l-junction bejn Pembroke u High Ridge.

Bħala proġetti ġodda li se jinbdew hemm xogħol fuq il-mini ta’ Ħal Kirkop u l-Airport Intersection Project, il-Luqa Junction Project u l-Imsida Creek Junction.

Se jitkomplew it-tħejjijiet neċessarji biex ikun jista’ jibda l-bini mill-ġdid tal-bypass ta’ Wied il-Għajn u subway ġdida biswit Bieb il-Bombi.

Il-Gvern se jagħmel ukoll xogħol ta’ manutenzjoni fuq l-erba’ mini ewlenin jiġifier ta’ Santa Venera, Ħal Kirkop, Tal-Qroqq u Ta’ Giorni u se jniedi s-Safe Cycle Routes Project.

Se jitlestew ix-xogħlijiet fuq ħames proġetti marittimi li huma l-breakwater ta’ Marsaxlokk, erba’ mollijiet fil-bajja ta’ San Tumas u Wied il-Għajn, il-bini mill-ġdid tal-moll taċ-Ċirkewwa u fċilitajeit għas-sajjieda fil-Port tal-Imġarr, Għawdex.

Titjib fl-infrastruttura se jsir ukoll madwar il-kosta fosthom faċilitajiet ġodda għall-passiġġieri  li jużaw il-laneċ għat-trasport u waqt li se jkomplu t-tħejjijiet għall-proġett biex vapuri tal-passiġġieri jieħdu l-elettriku mill-art.

Se jkun hemm programm ta’ investiment ta’ aktar minn €450 miljun fuq medda ta’ seba’ snin li se jbiddel wiċċ l-infrastruttura industrijali u joħloq spazji kif ukoll uffiċini ġodda.

Sas-sena d-dieħla għandu jitlesta l-pjan ta’ riġenerazzjoni tal-Villaġġ tal-Artiġjanat f’Ta’ Qali u se jibda l-proġett relatat mal-bini mill-ġdid  tat-taxiway Lima.

Fil-qasam tas-saħħa se jinbena Out-Patiets u parkeġġ taħt l-art ġdid fl-Isptar Mater Dei, l-immodernizzar tal-Isptar Monte Carmeli, il-bini taċ-ċentru reġjonali ġdid fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta u l-immodernaizzar ta’ ċentri u bereġ.

Se jinbenawkoll bank tad-demm ġdid flimkien ma’ ċentru speċjalizzat għall-ipproċessar u l-ħażna tat-tessuti u ċelloli staminali li se jintroduċi servizzi ġodda bħall-iffriżar tal-għadam, il-ħażna tal-corneas u ċelloli staminali għall-użu minn pazjenti rikoverati fl-Isptar tal-Onkoloġija.

Il-Gvern se jinvesti wkoll f’kumpless sportiv ġdid fl-Universita ta’ Malta, f’titjib u bini ta’ aktar faċilitajeit fl-MCAST, se jissokta l-bini tal-iskola primarja fir-Rabat, Għawdex, u l-Imsida, se jkun hemm investiment ta’ €11 miljun f’faċilitajiet sportivi u se jingħata bidu għall-bini tal-kumples tar-rugby.

Ekonomija

Sport