Il-General Workers’ Union (GWU) laqgħet il-baġit li għadu kif tħabbar u esprimiet sodisfazzjon li dan hu ffokat fuq tkabbir ekonomiku għal futur aktar sod għall-familji tagħna. Il-General Workers’ Union iddeskriviet dan il-baġit bħala wieħed ekonomikament u soċjalment sostenibbli.
Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja stqarr li: “Dan il-baġit fih nisġa ta’ proposti li permezz tat-tkabbir ekonomiku f’pajjiżna bl-inqas rata ta’ qgħad, qed naraw tisħiħ fil-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini f’pajjiżna. Ġid akbar għall-familji, għall-pensjonanti, għaż-żgħażagħ, għas-sidien tal-kumpaniji u għall-ġenerazzjonijiet futuri.”
Fost il-miżuri proposti mill-GWU u inkorporati fil-baġit hemm sussidji kontinwi fuq il-prezzijiet tal-enerġija, il-fjuwil u ċ-ċereali, benefiċċji għar-riċerka u l-innovazzjoni diġitali u l-Intelliġenza Artifiċjali; żidiet fil-pensjonijiet kontributorji u non-kontributorji u l-benefiċċji soċjali, investiment fin-negozji u intrapriżi u inizjattivi li se jkunu qed ikomplu jagħtu spinta fid-dħul lill-familji filwaqt li jipprovdu aktar appoġġ lil dawk vulnerabbli.
“Dan il-baġit qed joffri aktar sostenn lill-familji billi jiffoka fuq tnaqqis qawwi fit-taxxa għall-ġenituri bit-tfal, piż li se jonqos b’€160 miljun, żieda fiċ-Childrens’ Allowance, in work benefit u żieda fil-bonus għat-twelid fost oħrajn.”
Bugeja żied jgħid li “huwa ta’ pjaċir għalina li naraw investiment massiċċ fil-familja, pensjonanti, ħaddiema u jindirizza l-isfida tad-demografija.”
Il-GWU laqgħet il-mekkaniżmu ġdid li qed idaħħal il-Gvern, fejn permezz tal-iskema Micro Invest se jkun qed jagħti għajnuna lis-settur privat biex itejjeb il-pagi tal-ħaddiema. Minbarra li jwassal għal titjieb fil-pagi se jkun ukoll ta’ sostenn biex il-ħaddiema permezz tal-appoġġ li se jingħataw ikomplu jitħarrġu u jtejbu l-kapaċitajiet tagħhom mal-istess post tax-xogħol.
Ma’ dan kollu trid tqis li minkejja l-għajnuniet u inċentivi, ir-rata tad-defiċit se tkompli nieżla filwaqt li l-ekonomija mistennija tikber. Dawn il-benefiċċji kollha qed ikunu sostnuti minn tkabbir ekonomiku mingħajr l-ebda żieda fit-taxxa.
“Permezz ta’ dan il-baġit u l-viżjoni tiegħu li tħares ’il quddiem, il-Gvern qed jindirizza lill-ħaddiema b’għajnuniet li jkomplu jsostnu lill-familji u lil dawk il-gruppi l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà b’żieda sostanzjali fil-benefiċċji soċjali, filwaqt li jindirizza wkoll lis-settur privat u lil dawk l-intrapriżi li jagħżlu li jinvestu,” temm jgħid Josef Bugeja.
Din id-dikjarazzjoni tirrappreżenta r-reazzjoni inizjali mill-GWU. Tweġiba uffiċjali mill-Kunsill Nazzjonali se tinħareġ fil-jiem li ġejjin.

