Tuesday, December 24, 2024

Baġit b’saħħtu għal Għawdex li permezz tiegħu se jkomplu jiġu ffinanzjati diversi proġetti

Aqra wkoll

Il-Budget 2024 huwa wieħed b’saħħtu għal Għawdex, li se jkompli jiffinanzja diversi proġetti u li qed jinċentiva bis-sħiħ l-istrateġija għal Għawdex għall-10 snin li ġejjin sabiex il-viżjoni ta’ Għawdex Gżira ta’ Villaġġi verament issir realtà. Barra minn hekk, tħabbar li €58 miljun ta’ fondi Ewropej ġew iddedikati esklussivament għal inizjattivi u azzjonijiet iffukati fuq Għawdex. Qal dan il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri waqt li indirizza konferenza tal-aħbarijiet fi Pjazza Santa Margerita f’Ta Sannat.

Huwa qal li f’dan il-baġit tħabbru diversi miżuri u inizjattivi għal Għawdex, kollha parti minn strateġija li l-għan tagħha huwa li tixpruna tranżizzjoni ekonomika u soċjali biex l-Għawdxin jgħixu kwalità ta’ ħajja aħjar. Fosthom semma li mis-sena d-dieħla żdied il-grant minn €30,000 għal €40,000 għax-xiri tal-proprjetajiet f’Għawdex, minn first-time buyers, li huma f’UCA jew li ilhom vakanti.

Tkellem ukoll dwar il-ħidma li qed issir relatata mal-iżvilupp sostenibbli, fil-qasam tal-ippjanar sabiex jiġu adottati policies marbuta mal-estetika f’pajjiżna. Din sabiex jiġu promossi prattiċi tajbin, jiġu mħarsa streetscapes u l-aspett tal-estetika jkun aktar integrat fil-proċess tal-ippjanar. Fil-fatt, Għawdex se jingħata attenzjoni partikolari bil-għan li jitwettqu inizjattivi fid-dawl tal-istrateġija li ġiet imħabbra għal Għawdex.

Fi Pjazza Santa Margerita, il-Ministru Camilleri tkellem dwar il-proġett li għaddej fiha u spjega li, “Dan hu proġett estensiv ta’ riġenerazzjoni, għaliex kif wegħedna, irridu nagħtu prijorità lit-tisbiħ u lit-tisħiħ tal-pjazez filwaqt li nagħtu aktar spazji miftuħa lin-nies. Dan hu l-mod ċentrali kif qiegħed jaħdem dan il-gvern, bil-mira tagħna għal Malta Ġusta. Il-viżjoni ta’ Għawdex Gżira ta’ Villaġġi se tibqa’ tiggwidana tul kull intervent fil-qalba ta’ kull raħal fi gżirietna.”

Dan il-proġett ta’ riġenerazzjoni ta’ Pjazza Santa Margerita huwa biss wieħed minn għadd ta’ proġetti li għaddejjin bħalissa fil-gżira Għawdxija. Il-Ministru Camilleri semma li għas-sena d-dieħla, il-Ministeru għal Għawdex għandu ddedikati €8 miljun sabiex tkompli tittejjeb l-infrastruttura tat-toroq madwar il-gżira. 

Semma wkoll li għaddejjin diversi proġetti li jolqtu direttament lit-tfal, lill-familji tagħna u lill-anzjani fosthom il-proġett ta’ Dar San Ġużepp, dar tal-anzjani tal-ogħla standards u aċċessibbli, se tibda topera f’Marzu li ġej, se tilqa’ 120 resident u se tikkonsisti f’żoni mdaqqsa ta’ spazji soċjali u spazji ħodor fuq barra. Qal li għaddej ukoll ix-xogħol f’Taċ-Ċawla biex filwaqt li tiżdied l-akkomodazzjoni soċjali, l-ispazju miftuħ jiġi rinnovat u mkabbar għall-familji u r-residenti tal-inħawi. Fakkar li ftit tal-jiem ilu ġiet inawgurata l-Klinika tad-Dentistrija f’Għajnsielem, Għawdex, b’investiment li jaqbeż iż-€2 miljun.

Kompla jgħid li fir-Rabat, Għawdex, għaddej ix-xogħol fuq il-bini tal-iskola primarja ġdida kif ukoll l-estensjoni u r-rinnovar estensiv tal-middle school b’investiment li jaqbeż il-€21 miljun. Fil-bidu tas-sena d-dieħla x-xogħlijiet fuq il-middle school se jkunu tlestew u b’hekk l-istudenti u l-għalliema se jkunu jistgħu jibdew jużaw l-iskola l-ġdida. L-iskola primarja mistennija tkun lesta sas-sajf 2024. Dan ukoll minbarra l-investiment ta’ €6 miljun li sar fl-iskola primarja tan-Nadur.

Il-Ministru Clint Camilleri semma l-investiment li sar fil-kura primarja f’Għawdex fejn ġew immodernizzati diversi ċentri tas-saħħa u ddaħħlu servizzi ġodda. Fil-ġimgħat li ġejjin se jinfetaħ iċ-ċentru tas-saħħa l-ġdid fir-Rabat, Għawdex u li minnu se jkunu offruti numru ta’ servizzi li sa issa kienu jingħataw biss mill-isptar kif ukoll berġa oħra fil-Qala. Se tkompli wkoll il-ħidma fuq il-Mużew ta’ Għawdex u ċ-Ċentru Akkwatiku u Sportiv li wasal fl-aħħar fażi tiegħu.

Il-Ministru Camilleri semma l-investiment li sar u li qed iħalli l-frott sabiex jibda jopera s-servizz tal-Fast Ferry u spjega li biex tkompli tittejjeb l-aċċessibbiltà il-Gvern qed jaħdem fuq l-iżvilupp tal-Gozo Airfield. Dwar is-settur tat-turiżmu huwa qal li se jkomplu l-iskemi ta’ inċentivi b’aktar investiment kollettiv biex jissaħħu l-prodott u l-esperjenza li Għawdex joffri u qal li filwaqt li se tkompli tiġġedded il-brand tal-VisitGozo, se jkomplu jkunu sostnuti skemi ta’ Extended Stays fil-low season, appoġġ lill-operat f’reklamar diġitali u investiment fil-prodott tat-turiżmu.

Il-Ministru Clint Camilleri temm jgħid li l-għan ta’ dan il-Gvern huwa li jkompli jaħdem sabiex Għawdex jilħaq il-potenzjal tiegħu, ir-residenti jkollhom l-aqwa kwalità ta’ ħajja u dawk li jżuru Għawdex ikollhom l-aqwa esperjenza. Din hija l-mira tal-Gvern għal Malta Ġusta.

Ekonomija

Sport