Friday, December 27, 2024

Baġit li jħares ’il quddiem u jwieżen liċ-ċittadini minkejja sfidi internazzjonali

Aqra wkoll

Il-Budget għas-sena 2024, b’mod ġenerali ntlaqa’ tajjeb. L-argumenti kienu varji. Min tkellem dwar iż-żidiet li ngħataw għall-għoli tal-ħajja, jekk nieħdu n-negozji tkellmu b’mod pożittiv dwar il-fatt li l-Gvern se jibqa’ jġorr il-piż tal-enerġija li jfisser €350 miljun flimkien ma’ sussidji oħra. In-negozji qegħdin iħarsu wkoll b’mod pożittiv lejn iż-żieda qawwija għall-għoli tal-ħajja, fejn din għandha twassal għal aktar kunfidenza fil-konsumaturi biex in-nefqa domestika tibqa’ dik li hija u b’hekk l-ekonomija tibqa’ għaddejja bir-ritmu qawwi tagħha.

Imma lil hinn minn kif se jolqot settur jew ieħor, wieħed għandu jħares lejn il-Budget b’mod sħiħ. Jekk wieħed jagħti ħarsa lejn dan il-Budget se jara setturi li ngħataw attenzjoni qawwija u forsi oħrajn mhux daqstant. Minn hawn tieħu l-fil ta’ x’inhuma l-prijoritajiet għall-Gvern u fejn irid jieħu lill-pajjiż.

Analiżi tal-Budget, wieħed jista’ jara li minn dak ippreżentat, il-Budget qed jagħti importanza qawwija lill-aspirazzjonijiet tal-Maltin. Qed jara li jsaħħaħ id-dħul tal-familji, jikkumpensa b’mod qawwi għall-għoli tal-ħajja. Ma jieqafx hemm imma, jara li ma jdaħħalx taxxi ġodda. Dan hu tkomplija mal-politika tas-snin preċedenti, dik li l-Gvern jemmen li Malta għandha rata ta’ tassazzjoni tajba biżżejjed biex isservi l-pajjiż u għalhekk m’hemmx bżonn taxxi ġodda, liema taxxi ġodda ma jagħmlu xejn għajr joħolqu qtiegħ il-qalb u jaffettwaw il-kunfidenza tal-konsumaturi, fejn dan imbagħad iwassal biex jaffettwa b’mod negattiv l-infiq domestiku.

Xi ħaġa li donnha intesiet u qed tittieħed bħala qisha xejn mhu xejn hi l-prezzijiet tal-fjuwils u l-enerġija. Rajna fl-aħħar xhur kif dawn żdiedu u żdiedu bil-kbir f’għadd ta’ pajjiżi Ewropej u anke pajjiżi oħra. F’Malta, il-politika tal-Gvern hi li jinżammu stabbli l-prezzijiet tal-fjuwils u l-enerġija. Din hi politika li qed tagħti nifs u hi kruċjali biex l-ekonomija tagħna tibqa’ tirreġistra tkabbir sinjifikanti.

Faċli wieħed jikkritika jew jara x’se jsib biex jikkritika. Faċli titkellem fuq parti u tipprova tnessi oħrajn. Dak li rridu nirriflettu dwaru hu li minkejja dak li għaddej madwarna, minkejja sfidi u r-riskju li l-kunflitt fil-Lvant Nofsani jinfirex, dan il-Budget kien ieħor minn sensiela li fih ma rajna l-ebda taxxi. Ir-rata tal-VAT baqgħet l-istess. Id-dazji baqgħu li kienu. Ir-rati tat-taxxa tad-dħul ma ntmissux. Il-bolla baqgħet l-istess. Quddiem dan trid tistaqsi kemm hawn pajjiżi li kienu se jdaħħlu il-miżuri u l-benefiċċji li ddaħħlu u jħallu t-taxxi ta’ pajjiżhom dawk li kienu?

Tlum il-mistoqsija kif pajjiżna qed jirnexxielu jagħmel dan kollu? Ir-risposta hi dik li l-qagħda finanzjarja ta’ pajjiżna hi b’saħħitha. Din hi dovuta għall-ħidma li saret fl-aħħar snin u għal mod kif l-ekonomija tagħna kibret fl-aħħar snin.

Minn hawn joħroġ fatt ieħor. Dan hu dak li l-pajjiż jidher li għandu bażi ta’ tassazzjoni biex minnha jiġbor ir-riżorsi tiegħu. U hu għalhekk ukoll li l-politika tal-Gvern hi dik li ma jżidx it-taxxi. Politika li finalment tagħti nifs u kunfidenza lill-konsumaturi u n-negozji ikollhom in-nifs u ma jitgħabbewx b’piżijiet li m’għandhomx bżonn.

Ma nistgħux ma nirrimarkawx kif bil-miżuri ta’ għajnuna tal-Gvern, familja fil-klassi medja ffrankat l-ekwivalenti ta’ €2,000 għal tliet snin. M’hemm l-ebda dubju li l-ebda tnaqqis fit-tassazzjoni ma kienet se tagħti dan l-ammont.

Quddiem dak ippreżentat li għandu jkompli x-xejra biex fil-pajjiż ikun hawn tkabbir ekonomija u kunfidenza mill-konsumaturi, ma nistgħux ma nħarsux lejn l-isfidi li qed jiżviluppaw madwarna. Dawn huma sfidi li ma nistgħu ninjorawhom. Huma sfidi li jekk ikomplu jikbru jistgħu jaffettwawna b’mod negattiv u dwarhom ftit li xejn tkun tista’ tieħu azzjonijiet.

Qegħdin jitkellmu fuq il-kunflitt fil-lvant nofsani. Kunflitt li issa ilu għaddej diversi ġimgħat. Kunflitt li ma jidhirx li hemm xi ħjiel li se jieqaf fl-immedjat. It-tħassib hu li dan il-kunflitt jista’ jinfirex għal pajjiżi oħra fil-qrib jew fir-reġjun.

Hawn tqum il-mistqosija jekk jiġri hemm x’se jiġri mill-prezz taż-żejt. Fl-aħħar ġimgħat rajna l-prezz taż-żejt jitla’ ‘l fuq u issa qiegħed joqrob lejn il-$100 l-barmil. Jekk il-kunflitt fil-Lvant Nofsani jinfirex, il-previżjonijiet s’issa huma li l-prezz taż-żejt jogħla sew.

Hemm argumenti li qegħdin isostnu li l-kunflitt jinfirex, hemm possibbiltà kbira li narawha inflazzjoni dinjija li qatt ma rajna bħala u dan għax din tkun tinvolvi l-prezz taż-żejt u l-gass.

Sitwazzjoni bħal din ftit li xejn tista’ tagħmel biex tilqa’ għaliha. Hi sitwazzjoni maħluqa minn ċirkostanzi dinjin. Prattikament ma tista’ tagħmel xejn biex tinfluwenza l-prezz taż-żejt.

Minkejja dawn l-isfidi, pajjiżna qed jibqa’ jħares ’il quddiem u waqt li jfassal u jippjana l-futur, qed jgħin b’mod qawwi u konkret liċ-ċittadini tiegħu.

Ekonomija

Sport