F’kumment ma’ Inewsmalta, il-Ministru tal-Ambjent Aaron Farrugia jisħaq kif il-Baġit għas-sena 2021 jinkludi wkoll l-ikbar investiment “li qatt sar fis-settur tal-iskart, l-infrastruttura ħadra fl-urban u t-tibdil fil-klima”
Il-Ministru tal-Ambjent, l-Ippjanar u t-Tibdil fil-Klima Aaron Farrugia ddeskriva l-baġit li ġie ppreżentat it-Tnejn li għadda bħala wieħed li se jkompli jixpruna l-mixja ta’ pajjiżna “lejn ekonomija ċirkolari u ħadra.” Huwa sostna li l-Baġit 2021 se jkompli jmexxi l-aġenda tal-Gvern għal ambjent u kwalità ta’ ħajja aħjar f’pajjiżna.”
F’kummenti lil Inewsmalta, il-Ministru Farrugia semma kif waħda mill-proposti kruċjali elenkati fid-dokument tal-Baġit kienet l-investiment ta’ nofs biljun Ewro fuq impjant tal-iskart ġdid ġewwa l-Magħtab, “l-ikbar investiment li qatt kellu pajjiżna f’dan is-settur.” Il-Ministru tenna kif se jiskatta proġett ġdid għas-snin li ġejjin li sejjer jindirizza l-immaniġġjar tal-iskart, waqt li “mistenni jkompli x-xogħol fuq numru ta’ impjanti għat-trattament tal-iskart, bħala parti mill-proġett ECOHIVE.”
Matul is-sena 2021, il-Ministru Farrugia saħaq li l-Gvern se tara wkoll “it-twaqqif tal-importazzjoni ta’ plastik ta’ użu singolari, bil-għan li fis-sena ta’ wara, nkun f’pożizzjoni li naslu għall-projbizzjoni totali tagħhom.”
Farrugia semma wkoll li l-Gvern se jkun qiegħed iniedi numru ta’ inizjattivi infrastrutturali ġodda, “permezz ta’ proġetti ħodor fiż-żoni urbani, fosthom l-ewwel erbgħa vertical green walls, liema skema sejra twassal għal iktar tħaddir tad-djar u l-ħwienet tagħna.”
“Is-sena 2021 se tara inizjattivi ġodda ta’ afforestazzjoni, fosthom dak ta’ ġnien botaoniku ġdid, filwaqt li se jibda xogħol fuq spazji ħodor ġodda, fejn il-familji jkunu jistgħu jirrikjrejaw rwieħhom.”
Il-Baġit 2021 sejjer ukoll iħejji l-bażi għal viżjoni ta’ pajjiżna li testendi lil’hinn mill-kalendarju annwali, hekk kif diġà nbeda x-xogħol fuq l-Istrateġija Nazzjonali tal-Ambjent għas-sena 2050. “Bdejna nirrevedu l-pjan strateġiku għall-ambjent preżenti, kif ukoll qegħdin naħdmu biex ikollna ippjanar ibbażat fuq il-kunċett ta’ ppjanar intelliġenti.”
Hekk kif il-ġlieda kontra t-tibdil tal-klima baqgħet fil-quċċata tal-prijoritajiet tal-Gvernijiet differenti madwar id-dinja, il-Ministru Farrugia saħaq li qegħdin isiru preparament għal qafas riġidi, “b’miċi ċari biex innaqqsu l-emissjonijiet. Fost dawn, ser jibdew isiru studji siżmiċi, bħala parti minn sensiela ta’ studji rigward trasport tal-massa.”
Intant, skemi eżistenti bħal dawk ta’ installazzjoni ta’ PVs u tagħmir ieħor sejrin jiġu estiżi, filwaqt li se jiġu allokati mal-€1.5 miljun għall-iskrappjar ta’ vetturi, se jkun hemm tnaqqis fuq it-taxxa ta’ ċirkulazzjoni fuq ċertu muturi bejn 125cc u 255cc, kif ukoll tnaqqis ieħor ta’ 35% fl-imsemmija circulation tax fuq dawk il-vetturi li jintużaw biss fi tmiem il-ġimgħa, jew festi pubbliċi.
Il-finanzjament ta’ dawn il-proġetti, jikkonkludi il-MinistruFarrugia, li jassiguraw li pajjiżna “jkun fost l-aqwa fit-tranżizzjoni ekoloġika li jeħtieġ nagħmlu, huma ħafna. U għalhekk, li apparti l-investiment tal-Gvern u tal-privat, kif ukoll fondi Ewropej, il-Gvern ser ikun qiegħed jintroduċi green bonds biex niffinanzjaw proġetti relatati mal-ekonomija l-ħadra.”