Id-demokrazija Parlamentari tippermetti li jkun hemm Oppożizzjoni iżda ma tippermettix li l-Oppożizzjoni tagħmel farsa mill-Parlament.
Dan il-prinċipju imma ma jidhirx li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista tirrispettah u dan tawna prova ċara tiegħu bl-aġir tagħhom tul is-seduta ta’ nhar it-Tlieta filgħaxija waqt id-diskors li kien qed jagħmel il-Prim Ministru Robert Abela bit-tweġiba għal dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg fil-jum ta’ qabel fir-replika għall-Budget 2026.
Il-poplu li kien qed isegwi d-diskors tal-Prim Ministru ma setax ma jistmerrx l-aġir deplorabbli ta’ ċertu Deputati Nazzjonalisti li kontinwament bdew jinterrompu lill-Prim Ministru b’għajjat, b’isteriżmu u frattarija u anke b’talbiet ta’ point of order.
Forsi waslu għal dan għaliex indunaw li l-Prim Ministru bid-diskors tiegħu ġab fix-xejn il-kritika u l-argumenti li għamel fil-jum ta’ qabel il-Kap tal-Oppożizzjoni. Forsi wkoll għax indunaw li hemm baħar jaqsam bejn il-pożittività tal-Prim Ministru u l-immaturità politika tal-Kap tal-Oppożizzjoni.
Bla dubju kif għadna diversi drabi minn dawn il-kolonni, jekk il-Partit Nazzjonalista qed jaħseb li bl-aġir tiegħu se jimpressjona lil xi ħadd, ngħidulu illi jkun aħjar li jbiddel ir-rotta, joħloq viżjoni ċara ta’ fejn irid jasal għax jekk mhux se jagħmel hekk, ikompli jikkonferma kemm mhuwiex verament alternattiva għal Gvern Laburista.
Mid-diskorsi ta’ Robert Abela u Alex Borg ħareġ ċar id-distakk enormi kemm f’dik li hija politika ekonomika u soċjali, kif ukoll il-viżjoni għall-futur bejn il-Prim Ministu u l-Kap tal-Oppożizzjoni, fejn il-Prim Ministru mhux biss kien konvinċenti dwar il-miżuri li diġa’ twettqu, imma wkoll dwar dawk li se jiġu mwettqa fis-snin li ġejjin.
Proġetti kbar u ta’ fejda għal poplu, bħalma hu l-proġett tal-White Rocks u dak ta’ Manoel Island, il-bini ta’ sptar ġdid bi 300 sodda fl-Isptar ta’ San Vinċenz u l-investiment qawwi li se jsir fil-kura tas-saħħa mentali. Dawn huma proġetti li jistgħu jsiru għax l-ekonomija ta’ pajjiżna tiflaħ għalihom.
B’kuntrast ma’ xi proposti li għamel il-Kap tal-Oppożizzjoni li wħud minnhom qed jiġu implimentati u oħrajn riċiklati. L-esperjenza wrietna li mhux la kemm wieħed jaqbad u jfajjar il-proposti bl-addoċċ. Il-proposti barra li jiġu costed, għandu jingħad ukoll kif u minn fejn se jiġu ffinanzjati, xi ħaġa li żgur il-PN ma għamilhiex, tant li naqas ukoll milli jippreżenta dokument bil-proposti tiegħu ta’ qabel il-Budget.
Dan huwa prova ċara ta’ bejn Gvern Laburista kredibbli u Oppożizzjoni Nazzjonalista li ma’ għandiex la viżjoni u lanqas direzzjoni.

