Il-Yachting Malta BSC International Regatta, tal-Birżebbuġa Sailing Club, intemmet nhar it-Tlieta wara nofsinhar, wara erbat ijiem ta’ tlielaq intensivi f’diversi kundizzjonijiet. It-temp li kien qiegħed jinbidel kontinwament żamm lill-Kumitat tat-Tellieqa impenjat biex jassigura li t-tlielaq setgħu jsiru skond il-programm kif maħsub, b’mod sigur u bl-inqas tfixkil.
Minkejja li l-kundizzjonijiet kienu qed jinbidlu ta’ spiss, il-flotta tal-Yachting Malta BSC International Regatta irnexxielha tlesti numru ta’ tlielaq matul l-erbat ijiem – għalkemm kien hemm ħtieġa li jsir tibdil fl-iskeda u l-korsa. L-ewwel jum offra kundizzjonijiet ideali b’riħ medju mix-Xlokk u b’imbatt moderat fl-inħawi ta’ Xrobb l-Għaġin. Dan ħalla li jsiru tliet tlielaq għal kull klassi minkejja xi sfidi inizjali biex id-dgħajsa tal-Kumitat tat-Tellieqa jirnexxielha tankra sew.
Fit-tieni jum, l-irjieħ inbidlu għall-Lvant u mewġ ta’ żewġ metri barra l-port għamluha impossibbli li jsiru t-tlielaq. Għaldaqstant, kien deċiż li t-tlielaq isiru fil-port grazzi għal koordinazzjoni effiċjenti mal-pilota tal-Malta Freeport. Dan ippermetta li l-Klabb iżomm żewġ tlielaq konsekuttivi fuq korsa favur u kontra r-riħ (windward-leeward). Fit-tielet jum, irjieħ qawwija mill-grigal u l-mewġ b’saħħtu matul il-kosta ġiegħlu l-flotta tirritorna fil-port, fejn il-parteċipanti fil–klassijiet ILCA u l-Optimist setgħu jikkompetu fi tlielaq konsekuttivi.
Fl-aħħar jum l-irjieħ kienu iktar ħfief, b’veloċità ta’ bejn sitta u seba mili nawtiċi fis-siegħa. Dan kien biżżejjed biex il-flotta toħroġ barra l-port għal żewġ tlielaq finali f’kundizzjonijiet li raw imbatt kemmxejn imċaqlaq.
Ir-riżultati wara l-ewwel jum kienu diġà taw ħjiel ta’ kif kienet ser tkun il-klassifika finali, b’baħħara Maltin jiddominaw il-podju. Ħafna mir-rebbieħa stabbilew il-vantaġġ tagħhom mill-ewwel jum u żammew l-istatus tagħhom matul il-kompetizzjoni kollha.
Il-Commodore tal-Birzebbugia Sailing Club, Mario Aquilina, esprima s-sodisfazzjon tiegħu bir-riżultat tal-avveniment, u nnota mhux biss il-prestazzjoni b’saħħitha mill-baħħara Maltin, iżda wkoll l-attrazzjoni dejjem tikber lejn din ir-Regatta. Ir-Regatta, li issa tinsab fil-ħames edizzjoni tagħha, baqgħet tiġbed numru tajjeb ta’ parteċipanti barranin lejn l-ibħra Maltin.
Iċ-ċerimonja tal-Għoti tal-Premjijiet saret fil-Club fil-preżenza tal-Onor. Dr Chris Bonett, Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, is-CEO ta’ Yachting Malta Michael Mifsud, kif ukoll is-Sindku ta’ Birżebbuġa Scott Camilleri flimkien mal-Kunsillieri Alexander Caruana u Darren Debono.
Il-Birżebbuġa Sailing Club esprima l-gratitudni tiegħu lil Yachting Malta, Visit Malta, RLR Yachting, il-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa, u l-Malta Freeport Pilots għas-sostenn imprezzabbli tagħhom matul l-avveniment. Kien hemm ukoll apprezzament għall-voluntiera ddedikati li kienu ilhom jaħdmu bla heda għal ġimgħat sħaħ biex jassiguraw li din ir-Regatta tkun waħda ta’ suċċess, kif ukoll għall-Uffiċjali tat-Tlielaq u l-Membri tal-Ġurija.
Il-Yachting Malta BSC International Regatta saret taħt l-awspiċji tal-Malta Sailing
Federation.
Riżultati tal-Yachting Malta BSC International Regatta
ILCA 4
Open Nisa
1st Timmy Vassallo (MYSC) Emily Fenech (BSC)
2nd Jonas Micallef (RMYC) Krista Spiteri (BSC)
3rd Kaine Muscat (RMYC) Emma Shults (BSC)
ILCA 6
Open Nisa
1st Tomek Vaccaro (RMYC) Katrina Micallef (RMYC)
2nd Benjamin Vassallo (MYSC) Michela Mifsud (BSC)
3rd Poyraz Fidanboy (RMYC) Lacey Aquilina (BSC)
ILCA 7
Open
1st Matthew Flores (RMYC)
2nd Shaun Aquilina (BSC)
Optimist Senior
Open Nisa
1st Andrey Zhakov (BSC) Sasha Nagrudnaia (BSC)
2nd Isaac Azzopardi (BSC) Samanta Axisa (RMYC)
3rd Matthias Spiteri (MYSC) Ella Demicoli (MYSC)
Optimist Novice
1st Ben Spiteri Bailey (RMYC)
2nd Yufan Li (RMYC)
3rd Marko Kuvichkin (RMYC)
Optimist Cadet
1st Timothy Vella (BSC)
2nd Jean Sammut (VSC)
3rd Matt Sillato (MYSC)