Sunday, December 22, 2024

Ballun tad-Deheb: France Football se jagħmel tibdil fir-regoli dwar il-ġurija

Aqra wkoll

Il-premjijiet tal-Ballun tad-Deheb mogħtija lill-aqwa player tal-football maskili u femminili fid-dinja, issa se jkunu ġudikati fuq il-wirjiet ta’ staġun u mhux fuq sena kalendarja.

Ir-rivista France Football – organizzaturi tal-premju prestiġjuż – iddeċidew ukoll li jnaqqsu in-numru ta’ votanti.

Bord ta’ 170 ġurnalist se jinqata’ għal 100 għall-premju tal-irġiel, filwaqt li l-bord tan-nisa se jkun fih 50 votant.

Pascal Ferre ta’ France Football qal: “Qabel konna niġġudikaw ibbażati fuq żewġ nofs staġuni. Dan se jkun aktar ċar.”

“Hija opportunità li tagħtiha impetus ġdid,” żied jgħid l-editur tal-magazin Franċiż.

Il-bidliet imħabbra waslu wara l-kritika għall-għażla tal-attakkant ta’ Paris St-Germain, Lionel Messi, bħala rebbieħ tal-Ballun tad-Deheb fl-2021, meta vuċijiet madwar il-football ħassew li l-attakkant ta’ Bayern Munich, Robert Lewandowski, kien ikun iktar rebbieħ denju ta’ dan        l-unur.

Messi rebaħ it-trofew famuż għal rekord ta’ seba’ darbiet iżda Lewandowski – li spiċċa t-tieni – kien skorja 41 goal tal-Bundesliga fl-istaġun fl-2020-21 hekk kif għen lil Bayern jirbħu d-disa’ titlu konsekuttiv tal-kampjonat.

Ferre qal li se ssir aktar enfasi wkoll fuq il-wirjiet ta’ players individwali aktar milli fuq trofej mirbuħa mit-team tal-player.

Il-bidla fin-numru ta’ votanti wżati se tara li jintużaw 100 ġurnalist mill-pajjiżi l-iktar klassifikati fil-football tal-irġiel u 50 mill-pajjiżi tan-nisa fl-ogħla klassifika.

Fuq il-kont uffiċjali tiegħu ta’ Twitter, France Football iddeskriva l-mossa bħala “inqas globali iżda… ħafna aktar eżiġenti”.

Il-premjijiet tal-Ballun tad-Deheb li jmiss se jsiru f’Settembru jew f’Ottubru, 2022, u se jkunu bbażati fuq l-istaġun li ntemm f’Lulju mal-Euro tan-nisa 2022.

It-Tazza tad-Dinja tal-irġiel – li se ssir fil-Qatar f’Novembru u f’Diċembru – mhux se tiġi kkunsidrata mill-ġudikanti qabel l-għoti tal-premjijiet tal-2023.

Ekonomija

Sport