Balluta Barracudas spiċċaw fit-tieni post tal-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni tal-MAFA wara li għelbu lil San Ġwann Pro Evolution f’logħba mimlija gowls. Mill-banda l-oħra, Marsa St Michael setgħu jispiċċaw biss fi draw ta’ 2-2 kontra San Ġiljan Saints sabiex ċedew it-tieni post.
Fit-tieni diviżjoni, Ħamrun Amateurs temmew l-istaġun b’rebħa fuq it-tim promoss ta’ Senglea Gunners filwaqt li Żebbuġ Youngsters irreġistraw rebħa kbira kontra Gudja Wanderers.
Fit-tielet diviżjoni, Qajjenza ACJ ikkonfermaw it-tieni post wara rebħa kbira fuq St Paul’s Bay NMFC filwaqt li d-derby bejn Mosta Vikings u Naxxar Victorians spiċċa fi draw.
L-EWWEL DIVIŻJONI
Balluta Barracudas – San Ġwann Pro Evolution Academy 3-2
Balluta Barracudas kisbu l-għaxar rebħa tal-istaġun wara li għelbu lil San Ġwann Pro Evolution Academy 3-2.
Kienet logħba ferm sabiħa fejn wara li kienu qed jitilfu, kien biss lejn l-aħħar li l-Cudas dawru l-iskor favurihom.
Kienu Balluta li marru minn fuq fl-10 minuta wara penalty ta’ Andrew Tortell sabiex Naeldime Dhounouraimi ġab l-iskor indaqs fit-13-il minuta.
Fit-tieni taqsima, l-istudenti Franċiżi marru minn fuq permezz ta’ Mady Fanta Sekou Camara iżda fl-aħħar minuti kien hemm reazzjoni f’waqtha tal-Cudas li skorjaw il-gowls rebbieħa minn Nick Borg u Andrew Tortell b’dan tal-aħħar li jispiċċa l-aqwa skorer tal-kampjonat.
Referee kien Ray Tabone.
San Ġiljan Saints – Marsa St Michael’s 2-2
F’logħba ferm sabiħa, San Ġiljan Saints u Marsa St Michael ħadu punt kull wieħed wara draw ta’ 2-2.
Dan kien il-ħames riżultat pożittiv wara l-ieħor għas-Saints filwaqt li Marsa tilfu t-tieni post li ġie meħud minn Balluta Barracudas.
San Ġiljan stabilixxew vantaġġ doppju fl-ewwel 22 minuta permezz ta’ Dylan Labro u Robert Veskimae.
Fit-tieni taqsima, żewġ penalties ta’ Nikola Neskovic u Lamin Jaiteh taw punt mill-Marsin.
Referee kien Gjorgji Bitri.
IT-TIENI DIVIŻJONI
Ħamrun Amateurs – Senglea Gunners 2-2
Ħamrun Amateurs kisbu t-tieni rebħa staġjonali bi stil wara li għelbu lil Senglea Gunners 3-2. Dawn tal-aħħar kienu jafu li ġew promossi għall-Ewwel Diviżjoni flimkien ma’ Valletta Stars St Dominic u għalhekk ma kellhom l-ebda pressjoni għar-riżultat. Min-naħa ta’ Ħamrun, dawn tħabtu għal kull ballun u fit-tieni taqsima sfruttaw iċ-ċansijiet li ġewhom.
Clayton Xuereb poġġa lil Senglea Gunners minn fuq sabiex minuta qabel tmiem l-ewwel taqsima, Andre Galea għal Ħamrun għamilhom 1-1.
Fit-tieni taqsima, Irvine Mifsud u Josef Zammit taw vantaġġ doppju għall-Amateurs sabiex Glenn Bonello naqqas il-marġni tal-iskor għal Senglea minn penalty.
Referee kien Carmel Vassallo.
Gudja Wanderers – Żebbuġ Youngsters 1-6
Żebbuġ Youngsters kisbu l-ikbar rebħa staġjonali tagħhom wara li taw nofs tuzzana lil Gudja Wanderers għal skor ta’ 6-1.
Kif jindika l-iskor, it-tim immexxi minn Matthew Pace iddomina din il-partita mill-bidu sal-aħħar.
Tijane Sowe u Kebba Darboe skorjaw doppjetta kull wieħed filwaqt li James Cauchi u Gilbert Testaferrata żiedu aktar gowls għaż-Żebbuġin.
Jason Woodhead naqqas l-iskor għal Gudja.
Referee kien Lorry Sammut.
IT-TIELET DIVIŻJONI
Qajjenza ACJ – St Paul’s Bay NMFC 6-2
Qajjenza ACJ ikkonfermaw it-tieni post tal-kampjonat wara li għelbu lil St Paul’s Bay NMFC 6-0.
It-tim rebbieħ stabilixxa erba’ gowls vantaġġ fl-ewwel 20 minuta logħob bil-partita li mal-ewwel kienet destinata għalihom.
Guillherme Fonseca skorja tliet gowls b’Guilherme Mendes de Lima li żied ieħor, l-istess bħalma għamlu Jean Claude Cassar u Matthew Agius.
Jonathan Magar skorja żewġ gowls għat-tim minn San Pawl il-Baħar.
Referee kien Jonathan Balzan.
Naxxar Victorians – Mosta Vikings 1-1
Fid-derby bejn żewġ timijiet viċin xulxin, Naxxar Victorians u Mosta Vikings spiċċaw fi draw ta’ 1-1.
Kien Nathan Sciberras li poġġa lill-Mostin minn fuq fil-15-il minuta sabiex għaxar minuti wara, Fabrizio Farrugia ġab l-iskor indaqs għan-Naxxarin.
Referee kien Sillah Alhasana.
KLASSIFIKA – MAFA L-EWWEL DIVIŻJONI
Għaxaq Wolves 37, Balluta Barracudas 30, Marsa St Michael’s 29, Valletta St Paul’s 28, San Ġiljan Saints 19, San Ġwann Pro Evolution 12, Ta’ Ġiorni Wanderers 7, Mqabba Albions 0.
KLASSIFIKA – MAFA IT-TIENI DIVIŻJONI
Valletta Stars St Dominic 28, Senglea Gunners 22, Birzebbuġa St Peter’s AFC 20, Attard Edex Kings 19, Żebbuġ Youngsters 16, Ħamrun Amateurs 12, Gudja Wanderers 6, Ħal Far Titans 0.
KLASSIFIKA – MAFA IT-TIELET DIVIŻJONI
Swieqi United AFC 30, Qajjenza AFC 18, Naxxar Victorians 14, St Paul’s Bay NMFC 11, Mosta Vikings 6.