Balzan ……..…..2
Naxxar Lions ….2
Minn Cristian Muscat
Balzan dawru telfa f’rebħa meta għelbu lil Naxxar Lions bl-iskor ta’ 2-1.
Kienu Naxxar li fetħu l-iskor proprju fl-ewwel azzjoni denja ta’ nota li ħolqu fis-17-il minuta meta ż-żagħżugħ NEIL PACE COCKS venven xutt minn barra l-kaxxa li għeleb għal kollox lill-goalkeeper, Dylan Ciappara, u spiċċa fir-rokna tax-xibka.
Fl-24 minuta Naxxar resqu qrib li jirduppjaw l-iskor iżda Jno-Baptiste, wara li rċieva minn cross ta’ Degran Jackson, mill-viċin tefa’ barra.
Fis-27 minuta, Balzan ħolqu l-ewwel u l-unika azzjoni denja ta’ nota fl-ewwel taqsima permezz ta’ xutt mid-distanza ta’ Rafael Da Silva li intemm ftit gholi.
Man-nofs siegħa logħob, corner mogħti minn Pace Cocks għal Naxxar wasal għand Vitor Gualberto li bir-ras xeħet għoli mill-qrib.
Fis-37 minuta reġa’ kien Pace Cocks li kellu corner ikklerjat b’diffikultá mill-goalkeeper Ciappara.
Fit-tieni taqsima, Balzan ħarġu aktar aggressivi u fid-49 minuta għamlu l-iskor indaqs meta VICTOR BLASCO għeleb għal kollox lill-goalkeeper, Matthias Debono, permezz ta’ freekick mill-isbaħ.
Fis-56 minuta Naxxar tilfu ċans tad-deheb li jerġgħu jmorru fil-vantaġġ iżda Edson Farias Cerqueira mill-viċin xeħet barra bir-ras wara li rċieva minn cross ta’ Degran Jackson.
Madankollu kienu Balzan li bdew jipproduċu l-isbaħ logħob u fil-61 minuta dawru l-iskor favur tagħhom meta Jan Busuttil għadda tajjeb lejn DIMEJI AWOSANJA li minn qagħda ideali spara xutt fil-baxx għar-rokna tax-xibka.
Fil-71 minuta, Balzan tilfu ċans tajjeb li jkomplu jżidu l-marġni tal-iskor iżda Henri Stanic temm azzjoni konfuża fil-kaxxa tal-Lions b’xutt mill-viċin li ntemm barra.
Fis-76 minuta Matthias Debono salva xutt mill-viċin ta’ Nicholas Pulis filwaqt li minuta biss wara kien Udoyen Akpan li falla li jiskorja mill-viċin permezz ta’ daqqa ta’ ras.
Balzan baqgħu jippressaw u fis-86 minuta Dimeji Awosanja temm azzjoni personali permezz ta’ xutt sabiħ li għadda ftit barra.
Fil-ħin miżjud, Neil Pace Cocks għal Naxxar kellu xutt li ntemm ftit barra, b’Balzan ikomplu jamministraw il- vantaġġ minimu li kellhom sa tmiem il-partita.
BALZAN: 1-Dylan Ciappara, 27-Udoyen Akpan (11-Benjamin Hili 91), 5-Samir Arab, 23-Victor Blasco (22-Jake Grech 86), 10-Jan Busuttil, 7-Triston Caruana, 80-Marcel Lima (8-Nicholas Pulis 74), 14-Dimeji Awosanya, 42-Rafael Floro, 24-Tercious Malepe, 17-Henri Stanic – Coach: Daryl Willard
NAXXAR L.: 1-Matthias Debono, 15-Ryan Gilmour Cassar (5-Owen Portelli 87), 10-Edson Farias (21-Matthias Fenech 81), 19-Gustavo Barbosa (7-Takuma Yamaguchi 64) , 31-Degran Jackson (22-Staline Degabriele 87), 9-Francis Jno-Baptiste, 20-Luan (13-Kayne Haber 64), 3-Nikolai Micallef, 8-Neil Pace Cocks, 4-Pedro Vitor, 44-Ito Yasukaze – Coach: George Vella
REFEREE: Matthew Degabriele
ASS. REFEREES: Duncan Sultana, Max-Lee Muscat
RABA’ UFF: Joseph Scerri
SKORERS: V. Blasco 49, D. Awosanya 61 (B), N. Pace Cocks 18 (NL)
AMMONITI: V. Blasco, N. Pulis (B), N. Micallef, N. Pace Cocks, O. Portelli (NL)