Sunday, December 22, 2024

Bandli ġdid għall-familji ta’ Burmarrad

Aqra wkoll

Ġie inawgurat spazju rikreattiv ġdid f’Burmarrad, fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar. Dan il-bandli ġie inawgurat mis-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli flimkien mas-Sindku ta’ San Pawl il-Baħar Alfred Grima u l-kunsilliera.

Dan il-bandli ġdid sar b’investiment ta’ madwar €160,000. Il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar ingħata dawn il-fondi permezz tal-iskema ‘Finanzjament għall-Iżvilupp u Titjib fil-kundizzjonijiet tal-Playing Fields fil-Lokalitajiet f’Malta u f’Għawdex’ li tinħareġ minn żmien għal żmien mid-Diviżjoni tal-Gvern Lokali. L-għan ewlieni ta’ din l-iskema huwa li l-kunsilli lokali jkomplu jsostnu l-importanza tal-isport u tar-rikreazzjoni, li huma żewġ fatturi importanti li jikkontribwixxu għall-kwalità ta’ ħajja aħjar.

Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli faħħret l-impenn tal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar favur dan il-proġett u qalet li l-gvern kommess li jibqa’ jsostni lill-kunsilli lokali f’dak kollu meħtieġ sabiex ikomplu jindirizzaw il-bżonnijiet li jinbidlu maż-żminijiet tal-lokalitajiet u r-residenti rispettivi.

“L-ispazji miftuħa u spazji rikreattivi, bħal dan il-bandli f’Burmarrad, huma u ser jibqgħu ta’ prijorità fil-ħidma tagħna favur it-titjib tal-kwalità tal-ħajja tar-residenti Maltin u Għawdxin,” temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli. 

Ix-xogħlijiet kienu jinkludu l-installazzjoni ta’ railings ġodda mal-kumplament tad-dawra tal-bandli u grada fl-entratura għal aktar sigurtà. Ġie installat tagħmir ġdid tal-bandli kif ukoll tagħmir ġdid ta’ outdoor gym ikkumplimentat b’pavimentar adegwat. L-ispazju kollu tal-bandli ġie riġenerat b’xogħlijiet ta’ tisbiħ u manutenzjoni li jinkludu xogħol ta’ żebgħa, installazzjoni ta’ bibien tal-injam f’żewġ kmamar fil-bandli u tħawwil ta’ pjanti. Ġiet installata wkoll sistema ġdida ta’ dawl u sistema tal-kameras tas-sigurtà.

Min-naħa tiegħu, is-Sindku Alfred Grima qal li l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar ħadem sabiex tiġi attwata l-politika nazzjonali fir-rigward li jiżdiedu l-ispazji miftuħa u rikreattivi għall-familji Maltin u Għawdxin. Huwa żied jgħid li dan il-proġett seta’ jitwettaq permezz tal-fondi li ġie ffinanzjat il-kunsill lokali mid-Diviżjoni tal-Gvern Lokali.

Ekonomija

Sport