Raġel ta’ 39 sena residenti l-Isla tpoġġa taħt probation wara li tressaq fil-Qorti fejn ammetta li ta fastidju lill-eks sieħba tiegħu wara li baqa’ m’aċċettax li r-relazzjoni ta’ bejniethom intemmet.
L-imputat kien mixli li bejn Novembru 2025 u s-26 ta’ Diċembru 2025, ikkaġuna lill-eks sieħba tiegħu biża’ li se tintuża vjolenza kontriha jew kontra l-proprjetà tagħha, li ġab ruħu b’mod li taha fastidju u heddidha.
Fil-Qorti nstema’ kif il-Ġimgħa li għadda, il-vittma kienet marret tagħmel rapport fit-Taqsima ta’ Kontra l-Vjolenza Domestika minħabba inċident li kien jinvolvi lill-eks sieħeb tagħha.
|l-Prosekuzzjoni qalet li l-koppja ħassru xi xahar u nofs ilu u l-imputat allegatament baqa’ s’issa ma aċċettax din is-sitwazzjoni. Żied jintqal li l-imputat beda jmurilha d-dar u anke jidħol hemmhekk fejn kien hemm xi argumenti bejniethom u sar anke xi theddid.
Huwa kien arrestat is-Sibt li għadda, fejn ikkopera bis-sħiħ mal-pulizija fl-investigazzjonijiet tagħhom. L-imputat tressaq b’urġenza l-Ħadd quddiem il-Maġistrat Nadine Sant Lia, fejn wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Fis-sottomissjonijiet dwar il-piena, il-Prosekuzzjoni ma nsistietx fuq piena karċerarja effettiva iżda qalet li l-imputat għandu bżonn l-għajnuna biex jegħleb is-sitwazzjoni diffiċli li jinsab fiha.
Il-Qorti semgħet ukoll kif dan l-ewwel inċident tat-tip tiegħu li huwa riżultat ta’ relazzjoni li ntemmet riċentament u li seta’ kien influwenzat ukoll b’sustanzi illeċti. F’dan l-isfond, filwaqt li sabitu ħati tal-akkużi, poġġietu taħt ordni ta’ probation għal żmien tliet snin.
Il-Qorti ħarġet ordni ta’ trattament fil-konfront tal-imputat għall-perjodu ta’ tliet snin sabiex jindirizza l-problema tad-droga u xorb filwaqt li ħarġet ukoll ordni trażżin favur il-vittma għall-istess perjodu.
Wara li l-Maġistrat Sant Lia spjegatlu x’inhuma l-konsegwenzi u anke biex ma jerġax javviċina lill-eks sieħba, l-imputat instema’ jgħid “serraħ moħħok li la waslet s’hawn, daqshekk”.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Omar Zammit.

