Thursday, November 21, 2024

Barcelona jħabbru li Sergino Dest sofra injury waqt li kien qed jilgħab mal-Istati Uniti

Aqra wkoll

Barcelona ħabbru li Sergino Dest sofra injury fl-għaksa waqt li kien qed jilgħab mal-Istati Uniti kontra l-Kanada fil-5 ta’ Settembru.

Iż-żagħżugħ ta’ 20 sena għamel tliet dehriet għat-team ta’ Ronald Koeman fil-bidu tal-istaġun 2021-22, waqt li lagħab fil-konfronti tal-La Liga kontra Real Sociedad, Athletic Bilbao u Getafe.

Id-difensur lemini issa qed jitqies bħala dubju ewlieni għal-logħba li jmiss ta’ Barcelona fl-14 ta’ Settembru, kontra Bayern Munich fiċ-Champions League.

“Testijiet li saru nhar l-Erbgħa mis-Servizzi Mediċi ta’ FC Barcelona żvelaw li Sergino Dest weġġa’ l-għaksa tal-lemin tiegħu. Huwa sofra l-injury waqt li kien qed jilgħab għall-Istati Uniti kontra l-Kanada f’Nashville fil-5 ta’ Settembru li għadda u bħalissa mhuwiex tajjeb biex jilgħab,” qal il-club f’dikjarazzjoni uffiċjali.

Dest kien player importanti għall-ġganti Katalani sa minn meta ngħaqad magħhom mingħand Ajax f’Ottubru li għadda, u għamel 44 dehra matul l-ewwel staġun tiegħu fil-club, u skorja tliet goals u pprovda assist wieħed.

Barcelona kellhom jiffaċċjaw lil Sevilla fil-La Liga fi tmiem din il-ġimgħa, iżda l-partita ġiet posposta minħabba l-players tal-Amerika t’Isfel li rritornaw tard mill-impenji internazzjonali.

Sport