Barcelona qed jiffaċċjaw akkużi ta’ korruzzjoni minħabba ħlasijiet li l-club għamel lil Jose Maria Enriquez Negreira, eks viċi-president tal-Kumitat tar-Referees ta’ Spanja.
Ix-xahar li għadda ħareġ li l-Barcelona ħallsu lil Negreira u lill-kumpanija li huwa proprjetarju ta’ total irrappurtat ta’ €8.4 miljuni ewro bejn l-2001 u l-2018.
Nhar il-Ġimgħa ħareġ li qorti f’Barċellona semgħet li Barca, eks uffiċjali tal-club u Negreira kienu ġew akkużati għal “korruzzjoni”, “ksur ta’ fiduċja” u “rekords kummerċjali foloz”.
Dawn l-kawżi, miġjuba mill-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku ta’ Barċellona, jimmiraw lill-club, kif ukoll lill-eks presidenti Josep Maria Bartomeu u Sandro Rosell.
“FC Barcelona kiseb u żamm ftehim verbali strettament kunfidenzjali ma’ Jose Maria Enriquez Negreira sabiex, fil-kapaċità tiegħu ta’ viċi-president tal-Kumitat Tekniku ta’ Arbitraġġ (CTA) u bi skambju għal flus, dan tal-aħħar iwettaq azzjonijiet li għandhom it-tendenza ta’ benefiċċju għal FC Barcelona, f’deċiżjonijiet mir-referees,” qal l-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku.
Il-kap eżekuttiv ta’ La Liga, Javier Tebas, ix-xahar li għadda qal li l-president attwali, Joan Laporta, għandu jirriżenja jekk ma jkunx jista’ jispjega l-pagamenti.
Laporta wieġeb billi qal li mhux se jagħti lil Tebas “dak li jixtieq billi jċedi” u l-akkużi jiġu tlett ijiem wara li Laporta nsista li l-club tiegħu “qatt ma xtara referees”.
“Ħalli nkun ċar li Barca qatt ma xtraw referees u Barca qatt ma kellhom l-intenzjoni li jixtru referees, assolutament qatt,” huwa qal nhar it-Tlieta.
Il-ħlasijiet, żvelati x-xahar li għadda mill-istazzjon tar-radju, Ser Catalunya, ħarġu fid-dawl wara investigazzjoni mill-awtoritajiet tat-taxxa fil-kumpanija Dasnil 95 ta’ Negreira.
Barcelona għamlu ħlasijiet lill-kumpanija li jammontaw għal €1.4 miljuni rrappurtati bejn l-2016 u l-2018, u ħallsu lil Negreira, 77 sena, madwar €7 miljun bejn l-2001 u l-2018, is-sena li ħalla r-rwol tiegħu mill-kumitat mar-referees.
Barcelona rrikonoxxew li l-club kien ħallas lil Dasnil 95, li ddeskrivew bħala “konsulenza tekniku estern” biex jiġbor rapporti bil-vidjo relatati mar-referees professjonali “bil-għan li jikkumplimenta l-informazzjoni meħtieġa mill-persunal tal-coaches”.
Il-clu żied jgħid li l-ikkuntrattar tar-rapporti kienet “prattika abitwali fost il-clubs professjonali”.
L-affari eskalat meta 18 mill-20 club ta’ La Liga ħarġu stqarrija biex jesprimu “tħassib profond” dwar is-sitwazzjoni, u Laporta qal li l-club se jniedi investigazzjoni interna dwar il-ħlasijiet.
Il-coach ta’ Barcelona, Xavi Hernandez, li rebaħ tmien titli ta’ La Liga magħhom bħala player bejn l-1998 u l-2015, qal li ma kellu l-ebda għarfien tal-pagamenti u qatt ma kellu s-sensazzjoni li t-team tiegħu kellu xi vantaġġ.
“Dejjem ridt nirbaħ, iżda b’mod ġust. Kieku ħsibt li qed inqarrqu kont immur id-dar,” huwa qal wara d-draw ta’ 2-2 ta’ Barca ma’ Manchester United fl-Europa League ix-xahar li għadda.