Barcelona tilfu appell ieħor biex jirreġistraw lill-attakkant ta’ Spanja, Dani Olmo, għall-kumplament tal-istaġun – jum qabel l-iskadenza.
Il-player ta’ 26 sena ġie ffirmat mingħand il-club Ġermaniż, RB Leipzig, għal €60 miljun irrappurtati f’Awwissu.
Madankollu, kien irreġistrat biss għall- ewwel nofs tal-istaġun peress li Barcelona ma setgħux jilħqu r-restrizzjonijiet fuq il-limitu tal-pagi ta’ La Liga.
Il-Qorti ċaħdet it-tentattiv ta’ Barcelona li jerġgħu jirreġistraw lil Olmo l-ġimgħa li għaddiet, bit-tieni qorti tappoġġa d-deċiżjoni nhar it-Tnejn, li jfisser li jista’ ma jkunx jista’ jilgħab mal-club mill-1 ta’ Jannar.
Skont La Liga, il-qorti ċaħdet ir-reġistrazzjoni kawtelatorja ta’ Olmo wara li “l-ebda waħda mill-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-miżura ta’ prekawzjoni ma kienet sodisfata”.
La Liga ddefendiet ukoll il-kompetenza tal-Kummissjoni Delegata tagħha li tapprova r-regoli tal-baġit tagħha, u żiedet “dan qatt ma ġie misjub minn ebda club, inkluż Barcelona”.
La Liga qalet li d-deċiżjoni li ma jirreġistrawx lil Olmo, li kien player taż-żgħażagħ ma’ Barcelona, iżda telaq għal Dinamo Zagreb ta’ 16-il sena, inizjalment ittieħdet mill-Korp ta’ Validazzjoni tal-Baġit tiegħu.
Imbagħad ġie kkonfermat tliet darbiet mill-Kumitat tal-Fair Play Finanzjarju tiegħu, il-Kumitat tal-Appelli Soċjali tiegħu u mill-Kumitat tal-Liċenzjar tat-Tieni Istanza tal-UEFA tal-Federazzjoni Spanjola tal- Football.
Barcelona ddeċidew fuq ir-rotta ġudizzjarja, iżda issa qed jiffaċċjaw tellieqa kontra l-ħin biex isibu pjan alternattiv biex jirreġistraw lil Olmo jew jista’ jsir aġent ħieles.
Rapporti fil-midja Spanjola qalu li l-club qed jippjana li jbigħ kaxxi VIP fil-ground tiegħu Camp Nou li jista’ jdaħħal ‘il fuq minn €100 miljun, iżda se jkollu bżonn l-approvazzjoni ta’ La Liga.
Olmo, li għen lil Spanja tirbaħ il-Kampjonat Ewropew fis-sajf, skorja sitt goals fi 15-il dehra ma’ Barcelona dan l-istaġun.
It-team ta’ Hansi Flick jinsab it-tielet f’La Liga, tliet punti taħt il-leaders Atletico Madrid.