Id-direttur ta’ AC Milan, Paolo Maldini, rrikonoxxa li Barcelona jridu jakkwistaw lil Franck Kessie matul is-sajf.
Il-kuntratt tal-internazzjonali tal-Kosta tal-Avorju f’San Siro għandu jiskadi fl-aħħar ta’ Ġunju, u qed jidher dejjem aktar improbabbli li se jkun qed jiffirma estensjoni ma’ AC Milan.
Maldini ikkonferma li hemm interess minn Barcelona fil-midfielder ċentrali, li skorja sitt goals u rreġistra assist wieħed f’27 dehra f’livell ta’ club dan l-istaġun.
Id-direttur ta’ Milan tenna wkoll li t-team tas-Serie A mhux se jkun qed ‘ibiddlu l-pożizzjoni tagħhom’ fi sforz biex ma jħallux lill-player ta’ 25 sena jitlaq bi free transfer fi tmiem l-istaġun.
“Huwa normali li tara li Barcelona huma interessati li jiffirmaw lil Franck”, qal Maldini. “Il-pożizzjoni tagħna hija ċara ħafna fuq il-kuntratt ta’ Kessie u hija parti mill-istrateġija tal-club. Mhux se nbiddlu l-pożizzjoni tagħna.”
Kessie skorja 36 goal u rreġistra 16-il assist f’211-il dehra għal AC Milan minn mindu ngħaqad magħhom mingħand Atalanta, inizjalment b’self.
Tottenham Hotspur, Paris Saint-Germain, Real Madrid u Manchester United ukoll ġew akkreditati b’interess fil-midfielder f’dawn l-aħħar xhur.