Iċ-Ċeka Marketa Vondrousova u t-Tuneżina Ons Jabeur, għaddew għall-finali tas-singles tan-nisa ta’ għada tat-tournament ta’ Wimbledon wara li eliminaw b’sorpriża liċ-champion tas-sena l-oħra, Elina Svitolina tal-Ukrajna u lill-Belarussa Aryna Sabalenka rispettivament.
Vondrousova qatt ma għaddiet mit-tieni round f’SW19 sa din is-sena u tilfet sitt xhur fl-2022 wara operazzjoni fil-polz.
Iżda l-player ta’ 24 sena issa tinsab rebħa biss bogħod mill-glorja wara li għelbet lil Svitolina – ukoll mhux issidjata wara li welldet disa’ xhur ilu – f’rebħa ta’ 6-3 6-3.
Vondrousova saret l-ewwel player mhux issidjata li waslet sal-finali ta’ Wimbledon fl-era Open.
“Ma nistax nemmen,” qalet Vondrousova, li qabel qatt ma kienet lagħbet fuq il-court tal-ispettaklu prinċipali f’Wimbledon.
“Jien biss kuntenta ħafna. Elina hija daqshekk ġellieda u wkoll persuna daqshekk kbira. Kienet partita diffiċli ħafna.”
L-istorja riċenti pprovdiet numru ta’ finalisti xokkanti fis-singles tan-nisa tal-Grand Slam, iżda l-progress ta’ Vondrousova huwa probabbilment l-akbar sorpriża ta’ Wimbledon minn meta Eugenie Bouchard waslet sal-finali tal-2014.
Il-courts tat-tafal ilhom jitqiesu bħala l-aqwa wiċċ taċ-Ċeka u hija waslet sal-finali tal-French Open bħala żagħżugħa ta’ 19-il sena fl-2019, fejn tilfet fuq it-tafal ta’ Roland Garros kontra l-Awstraljana Ashleigh Barty.
Is-seed numru 6, Jabeur, ipproduċiet rimonta mill-aqwa biex għelbet lil dik numru 2, Sabalenka, bit-tamiet tat-Tuneżina kienu qed jonqsu meta kienet set u 4-2 minn taħt fit-tieni wieħed iżda hija ssieltet lura qabel rikbet mewġa ta’ momentum u appoġġ biex rebħet 6-7 (5-7) 6-4 6-3.
B’Vondrousova u Jabeur fil-finali huwa garantit li se jkun hemm champion tan-nisa għall-ewwel darba fl-All England Club.
Jabeur ġiet megħluba fil-finali tas-sena l-oħra minn Elena Rybakina u kienet appoġġata bil-kbir mill-folla tas-Centre Court matul waħda mil-logħbiet eċċitanti tal-kampjonat s’issa.
Min-naħa ta’ Vondrousova, li tinsab fit-42 post tar-rankings, u li temmet il-mixja stupenda ta’ Svitolina, ammettiet li “qatt ma ħasbet” li tista’ tagħmel tajjeb fuq il-ħaxix.