Barcelona huma lesti li jagħmlu kollox biex jiksbu l-firma ta’ Robert Lewandowski ta’ Bayern Munich fuq kuntratt ta’ tliet snin.
Il-player internazzjonali Pollakk se jiċċelebra l-34 sena tiegħu f’Awwissu li ġej iżda baqa’ f’forma prolifika għat-team immexxi minn Julian Nagelsmann, fejn skorja 47 goal f’41 dehra f’dan l-istaġun.
Madankollu, il-kuntratt ta’ Lewandowski fl-Allianz Arena għandu jiskadi fl-2023, u hemm inċertezza dejjem tikber dwar jekk hux se jagħżel li jiffirma ftehim ġdid maċ-champions Ġermaniżi.
Huwa mifhum li Barcelona jridu jilqgħu lil Lewandowski mal-club b’kuntratt sas-sajf tal-2025 u se jagħmlu dak kollu li jistgħu biex joffrulu offerta sostanzjali.
Jidher li Lewandowski kien se janalizza offerti mingħand Barcelona wara li talab lill-aġent tiegħu biex jesplora l-għażliet madwar l-Ewropa, iżda Bayern m’għandhom l-ebda intenzjoni li jħalluh jitlaq dan is-sajf.
Il-Kap Eżekuttiv tal-club mill-Bavarja Oliver Kahn saħaq ukoll li Lewandowski – li sa issa rreġistra 341 gowl u 69 assist fi 370 logħba għaċ-champions Ġermaniżi – se jibqa’ ma’ Bayern Munich dan is-sajf.